Il-Gvern jisħaq li mexa dejjem mal-liġijiet internazzjonali | One News

Notifiki

Il-Gvern jisħaq li mexa dejjem mal-liġijiet internazzjonali

Il-Gvern Malti saħaq li Malta dejjem imxiet mal-liġijiet internazzjonali u l-konvenzjonijiet applikabbli dwar il-qasam tal-immigrazzjoni.

Fi stqarrija, il-Gvern wieġeb għal akkużi li għamel il-Ministeru għall-Intern Taljan Matteo Salvini fejn sostna li Malta naqset milli tonora l-impenji tagħha f’mekkaniżmu stabbilit mill-awtoritajiet Taljani dwar mekkaniżmu ta’ tqassim ta’ immigranti.

Qal li għall-kuntrarju ta’ dak allegat, l-awtoritajiet Maltin diġà kienu f’kuntatt mal-awtoritajiet Taljani biex mill-aktar fis jonoraw l-impenji tagħhom. Madankollu, qal li l-awtoritajiet Taljani ma pprovdew l-ebda proċedura tanġibbli biex Malta timxi magħhom.

Min-naħa l-oħra, il-Gvern qal li l-Italja ma ssodisfatx l-obbligi tagħha fil-mekkaniżmu ta’ tqassim li bdiet Malta rigward l-immigranti li abbord l-MV Lifeline fis-27 ta’ Ġunju li għadda. Dan minkejja l-isforzi tal-awtoritajiet Maltin irsistew biex jitkompla l-proċess mal-awtoritajiet Taljani.

Il-Gvern saħaq li Malta dejjem ipparteċipat f’mekkaniżmi ta’ solidarjetà u kienet l-ewwel stat membru Ewrpew li onora b’mod sħiħ l-impenji tiegħu dwar il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà li l-Kummissjoni Ewropea nediet dwar l-immigranti li kienu qed jidħlu fl-Italja u l-Greċja.

Saħaq li Malta mxiet dejjem mal-liġijiet internazzjonali u mal-konvenzjonijiet applikabbli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend