Borg Olivier jersaq lejn il-Kommunisti wara l-Independenza | One News

Notifiki

Borg Olivier jersaq lejn il-Kommunisti wara l-Independenza

Dokumenti ġodda li ġew skoperti waqt il-laqgħat tal-Kabinett tal-Gvern Nazzjonalista juru li wara l-Indipendenza tal-1964 il-Prim Ministru George Borg Olivier kien deċiż li jniedi relazzjonijiet uffiċjali mal-Unjoni Sovjetika. Minkejja t-twissijiet kważi ossessivi tal-Arċisqof Mikiel Gonzi, u wara l-qilla tal-inkwiet politiku-reliġjuż tas-snin ta’ qabel bejn Dom Mintoff u l-Knisja preċiżament fuq din il-kwistjoni, bis-solitu mod kwiet tiegħu Borg Olivier fittex li jitħabbeb mas-Sovjetiċi.

Il-ktieb, A Materialist Revision of Maltese History: 1919‒1979 (Reviżjoni Materjalista tal-Istorja Maltija: 1919‒1979), ġie rriċerkat u miktub mill-istoriku Mark Camilleri. Il-pubblikazzjoni se toħroġ uffiċjalment nhar il-Ġimgħa, 28 ta’ Settembru, f’attività ġewwa l-Biblijoteka Nazzjoni, il-Belt Valletta.

Il-pass li ħa Borg Olivier lejn l-Unjoni Sovjetika ma kinetx xi konverżjoni għax-xellug. Lanqas ma kienet bidla fil-politika barranija tiegħu. Saret bit-twemmin li r-relazzjoni ta’ Malta mal-Unjoni Sovjetika ma setgħet tibqa’ nieqsa wisq aktar mingħajr ma tnaffar lill-Unjoni Sovjetika kontra Malta. F’dawk il-jiem, Malta kienet l-uniku Stat Ewropew li ma kienx għad għandu relazzjonijiet mal-Unjoni Sovjetika.

Camilleri jikseb din l-informazzjoni mil-laqgħa tal-Kabinet tal-gvern Nazzjonalista tat-22 ta’ Lulju tal-1966. Borg Olivier mexxa l-ewwel gvern ta’ wara l-Indipendenza fuq ideoloġija favur il-Punent, in-NATO u kontra l-Kommuniżmu. Dak il-gvern, bejn l-1962 u l-1971, qabad lil Malta t-triq tal-modernizzazzjoni u l-prosperità.

Minkejja dan, Camilleri jsejjaħ il-progress li sar f’dawk is-snin kruċjali bħala “kajman” (sluggish). Huwa jsostni li l-imbuttatura l-kbira ġiet mill-gvernijiet Laburisti mmexxija minn Mintoff bejn l-1971 u l-1979. Fil-ktieb ġdid tiegħu, maħruġ mhux wisq wara ieħor, Il-Ħelsien, fl-2014, Camilleri jibda r-rakkont tiegħu bl-istħarriġ tal-irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju tal-1919. Il-ktieb huwa t-tieni wieħed f’serje li tippreżenta reviżjoni materjalista tal-istorja Maltija. L-ewwel wieħed, fuq is-snin bejn l-870 u l-1919, kien ħareġ fl-2016.

Il-ħruġ uffiċjali tal-ktieb fil-Biblijoteka Nazzjoni fit-28 ta’ Settembru se tkun imsieħba minn wirja esklussiva li se tinkludi d-dokumenti oriġinali tal-Kostituzzjoni ta’ Malta tal-1921, id-dibattiti tal-Assembea Leġislattiva, l-ittra li biha r-Re Ġorġ VI ta lil Malta l-‘George Cross’, il-Kostituzzjoni ta’ Malta tal-1947 li fiha ngħata l-vot lin-nisa, id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-1964 iffirmata mir-Reġina Eliżabetta II, u għadd ta’ gazzetta marbuta ma’ Jum ir-Repubblika u Jum il-Ħelsien.

Il-wirja tkun miftuħa wara l-attività tal-ħruġ tal-ktieb, li tibda fis-7.00 ta’ filgħaxija. Il-pubbliku ġenerali hu mħeġġeġ li jattendi.

Il-ktieb A Materialist Revision of Maltese History: 1919-1979 hu ppubblikat mill-SKS.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend