Mhux mat-tfal biss! | One News

Notifiki

Mhux mat-tfal biss!

F’dawn l-aħħar ġimgħat smajna ħafna kif, bir-raġun, il-bullying iħalli marka kerha u xi drabi dejjiema fuq it-tifel jew tifla vittma ta’ bullying fiżiku jew verbali.

Bħala edukatur nifhem it-tbatija li jgħaddi minnha kull min hu vittma tal-bullying fl-iskejjel u ta’ kemm kull vittma ikollu jew ikollha bżonn ta’ sapport psikoloġiku kontinwu sabiex l-att tal-bullying ma joqtolx l-ispirtu tal-individwu.  Naf ukoll kemm hu mportanti li wieħed joffri l-għajnuna kollha lill-bully għax anke hu jew hi spiss ikun/tkun vittma ta’ sitwazzjoni ta’ rabja moħbija jew sens ta’ frustrazzjoni li jkun/tkun għaddej minnha.

Iżda l-bullying ma jsirx mat-tfal jew fl-ambjent tat-tfal biss.Anke l-adulti fuq il-post tax-xogħol jgħaddu minn bullying.  Forsi mhux fiżiku imma verbali jew psikoloġiku li jħalli marka dejjiema fuq is-saħħa mentali tal-individwu.

Dik it-tfajla li fl-ewwel esperjenza tax-xogħol tagħha ikun hemm min ibelagħhielha li fl-uffiċċju għandhom drawwa li hi bħala impjegata ġdida kellha tieħu selfies mal-impjegati kollha sakemm min ikun qalilha hekk jirraportaha lil ta’ fuqu u tispiċċa titkeċċa għax kisret l-etika tal-post tax-xogħol.

Dik l-omm li kellha professjoni imma minħabba raġunijiet ta’ saħħa kellha tispiċċa f’uffiċċju u ssib lill-Assistent Direttur tagħha li jkun jaf minn xhiex tkun għaddiet, jagħmel l-arja magħha għax jaf li ma tista’ tagħmillu xejn għax inkella jara kif jeħles minnha u jibgħatha lura fil-professjoni tagħha fejn jaf li mhux se tkampa u jkollha tirriżenja.  Bullying b’rikatt.  Bullying terroristiku.

Dak iż-żagħżugħ riservat li għax xogħolu hu fuq il-Facebook u jagħmel il-marketing tal-post fejn jaħdem, jillarga għal ftit u meta jiġi lura jsib post li kitbulu fuq il-wall tiegħu sabiex tirredikolah mal-erba’ rkejjen ta’ Facebook.

Dawk il-ħaddiema tal-kuntrattur li għax sempliċiment cleaners jiġu stmati ta’ tapit minn min iħaddimhom u meta jippruvaw iċemplu biex jistaqsu dwar drittijiet, leave jew queries fuq paga jsibu min hu żorr magħhom fuq it-telefon.  U jekk isibu xi proxxmu li jgħinhom jibagħtu xi e mail sabiex jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom jibqgħu bla tweġiba daqs li kieku tkellem il-baħħ.

U bħal każ tat-tfal, il-vittmi tal-bullying adulti ikunu magħżula sabiex ikunu l-mira għax huma vulnerabbli. Kwieti. Insinnifikanti. Bla vuċi.

U t-tfajla li tispiċċa bla xogħol tħossha umiljata u mitlufa għax ġiet ittraduta minn min kellu jindukraha. U elf ħsieb ikrah jgħaddi minn moħħha!  Anke li ttemm ħajjitha.

U l-omm li jkollha tissaporti l-bullying tal-Assistent Direttur tmur id-dar tibki u titlef l-irqad u tispiċċa b’dipressjoni qawwija b’konsegwenzi fuq saħħitha u  s-saħħa mentali tal-familjari tagħha.

U ż-żagħżugħ li twaqqa’ għaż-żuffjett fuq facebook mingħajr tort jibda jistħi joħroġ mid-dar jew jiltaqa’ ma’ sħabu wara li ġie umiljat fuq il-wall tiegħu stess. Jidħol f’qoxortu b’konsegwenzi drammatiċi fuq l-istima personali tiegħu stess.

U l-ħaddiema tal-kuntrattur jħossuhom stmati bħad-dud tal-art għax mhuma xejn u jkollhom joqogħdu għall-abbuż psikoloġiku ta’ min iħaddimhom sabiex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum.

Għadaqstant, mill-aktar fis, nappella sabiex l-istess kif jiġri fl-iskejjel bix-xogħol siewi u imprezzabbli li jsir mit-taqsima tal-Anti Bullying fi ħdan id-Direttorat tal-Edukazzjoni u Xogħol,  għandha  tiġi offruta għajnuna psikoloġika professjonali lill-adulti li jħossuhom vittmi ta’ bullying fuq il-post tax-xogħol.

Din l-għajnuna ista’ tilħaq aktar lill-ħaddiema billi wieħed isaħħaħ, per eżempju, is-Servizz ta’ Sapport, Tkellem magħna. (Numru tat-telefon: 22 00 12 10. [email protected])   Servizz għall-impjegati pubbliċi kollha  li huwa servizz kunfidenzjali u mingħajr ħlas.

Dan is-servizz eżistenti jista’ jissaħħaħ billi

  1. Isir reaching out aktar dinamiku u permezz ta’ kampjanja qawwija fuq il-media u fuq il-postijiet tax-xogħol bit-tit li s-servizz isir aktar viżibbli.
  2. Jinfetaħ għall-ħaddiema kollha, għax ħaddiem li jaħdem mal-privat huwa ħaddiem ukoll. U l-bullying ma jagħmilx distinzjoni bejn ħaddiema tal-gvern u ħaddiema tal-privat.
  3. Jiġi organizzat fuq il-mudell tat-taqsima tal– Anti Bullying fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol billi jkollok psikologi u social workers abbinati ma’ sezzjonijiet speċifiċi fid-dinja tax-xogħol, bil-għan li wieħed iżid l-effiċjenza.

B’dan il-mod, il-ħaddiem vulnerabbli li jħossu mifxul u inkwetat minħabba l-bullying li jkun għaddej minnu, jsib rifuġju professjonali fejn ikun jista’ jerġa’ jakkwista l-fiduċja fih innifsu u jħares ‘il quddiem b’fiduċja u serenita’.

Għall-ġid tiegħu. Ta’ familtu. Tal-pajjiż.

Għax d-dinjità u s-saħħa mentali  fil-qasam tax-xogħol huma ferm aqwa mill-pakkett finanzjarju.

Ta’ QabelLi Jmiss
Ray Muscat huwa edukaturi b’esperjenza fl-iskejjel statali Maltin sa mill-1986. Kien għalliem tat-Taljan għal 13-il sena fil-Liċeo Mikiel Anton Vassalli u għal dawn l-aħħar erbatax-il sena huwa amministratur fl-iskola sekondarja fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu. Ray Muscat huwa wkoll kittieb. Kiteb scripts għar-Radju u r-Televiżjoni tal-istat b’xogħolijiet bħal ‘Fil-Kikkra!’, ‘Tlaqna!’ u ‘Oops!’. Sal-lum ippublika żewġ kotba għat-tfal bl-istejjer ta’ Lippu l-Purtinar u ktieb għall-adulti bit-titlu 'Naħqa ta’ Ħmar’. Jinteressah ħafna l-aspett politiku mhux partiġġjan u t-temi soċjali u edukattivi, b’mod speċjali ma’ dawk li sfortunatament jaqgħu lura fil-mixja tal-ħajja.

Send this to a friend