Aġġornat: Cohen jgħid li Trump ta struzzjonijiet biex jinkisru regoli finanzjarji fil-kampanja elettorali | One News

Notifiki

Aġġornat: Cohen jgħid li Trump ta struzzjonijiet biex jinkisru regoli finanzjarji fil-kampanja elettorali

L-eks Avukat ta’ Donald Trump, Michael Cohen, wieġeb ħati għal ksur tal-liġijiet ta’ finanzjament ta’ kampanji elettorali. Dan b’referenza għal ħlas ta’ flus lill-allegat maħbubin li kellu Trump, sabiex dawn ma jitkellmux dwar dak li kien seħħ.

Fl-ammissjoni tiegħu Cohen ammetta li l-ordni ġiet taħt id-direzzjoni ta’ kandidat, li hu mifhum mhu ħadd ħlief l-illum President Amerikan Donald Trump.

Minn naħa tiegħu, qabel rally f’West Virginia, Trump injora mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar dan il-każ.Minbarra din l-akkuża, l-avukat Michael Cohen ammetta l-akkużi fuq evażjoni tat-taxxa u li għamel stqarrija falza lil istituzzjoni finanzjarja, fost oħrajn.

Is-sentenza fil-konfront tiegħu mistennija tingħata fit-tnax ta’ Diċembru, u sadanittant ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ nofs miljun dollaru.

F’dan il-każ, Cohen jista’ jaffaċċja ta’65 sena ħabs.

Din l-aħbar ħarġet ftit sigħat biss wara li Cohen laħaq ftehim mal-prosekuturi f’New York fuq akkużi ta’ frodi lill-banek, u ksur ta’ regoli finanzjarji fost oħrajn. Dan ifisser li Cohen wieġeb ħati għal akkuża waħda biss fost dawk miġjuba kontrih.

Dan l-arranġament jista’ jkun ta’ xkiel għall-President Trump għaliex jista’ jippermetti li Cohen jgħaddi informazzjoni lill-avukat Robert Mueller, li qed jieħu ħsieb l-investigazzjoni tal-allegat indħil Russu fl-elezzjoni presidenzjali Amerikana tal-2016. Trump qiegħed kontinwament jiċħad dawn l-akkużi.

Cohen kien parti mit-tim ta’ Trump għal iktar minn 10 snin, u saħansitra baqa’ jagħti pariri legali lil Trump tul it-tellieqa għall-White House.

Minkejja dan, ir-relazzjoni ta’ bejn iż-żewġt irġiel sfaxxat fix-xejn fl-aħħar xhur.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend