Suċċess kbir għall-Karnival tas-Sajf – One News

Notifiki

Suċċess kbir għall-Karnival tas-Sajf

Madwar 20,000 ruħ attendew il-Karnival tas-Sajf li qiegħed fis-6 sena konsekuttiva tiegħu, għal darb’oħra turija ċara tal-popolarità qawwija li inizjattivi ta’ din is-sura qegħdin jiksbu matul is-snin. L-edizzjoni ta’ din is-sena, imtella’ minn Festivals Malta, ġiet iċċelebrata fuq 3 ijiem f’Buġibba u Marsaskala.“Permezz ta’ dedikazzjoni u investiment b’saħħtu, qegħdin nipprovdu lill-komunitajiet tagħna avvenimenti ta’ kwalità għolja matul is-sena kollha li jħarsu lejn it-tradizzjonijiet tagħna u li jistgħu jitgawdew mill-Maltin u l-Għawdxin, kif ukoll mill-barranin. L-istrateġija kulturali tagħna hija li niżguraw li jkollna kultura aċċessibbli u inklussiva, u permezz ta’ avvenimenti bħall-Karnival tas-Sajf, qegħdin inkomplu nsaħħu din l-istrateġija grazzi għall-programm varjat li jista’ jiġi apprezzat minn kulħadd”, qal il-Minsitru Owen Bonnici waqt l-aħħar lejla ddedikata għall-Karnival tas-Sajf f’Marsaskala.

Il-Ministru faħħar lill-organizzaturi u l-parteċipanti tal-Karnival, u enfasizza fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni, “li hija element intrinsiku fejn niġu għall-ħolqien u r-realizzazzjoni ta’ avvenimenti tal-ogħla kwalità li juru t-tradizzjonijiet u d-drawwiet tagħna, sabiex inkunu nistgħu nipprovdu prodott aħjar u b’saħħtu għall-ġenerazzjonijiet futuri bħala pedament biex jibnu fuqu.”

Il-karnival fetaħ b’ġostra tradizzjonali fil-pjazza ta’ Buġibba li ttellgħet il-Ġimgħa u s-Sibt, segwita mit-tant mistennija parata tal-karrijiet akkumpanjati mill-kumpaniji taż-żfin. Il-karnival imbagħad kompla f’Marsaskala nhar il-Ħadd fejn ittellgħet parata mal-promenade, filwaqt li ttellgħu spettakli ta’ żfin mill-membri tal-karrijiet rispettivi. Il-banda ta’ Marsaskala wkoll kellha sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet. Din l-edizzjoni tal-Karnival tas-Sajf kellha wkoll żewġ karrijiet li kienu parti mill-Karnival ta’ Għawdex ta’ din is-sena.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend