"Santa Marija" kienet tajba ħafna l-iktar f'Għawdex | One News

Notifiki

“Santa Marija” kienet tajba ħafna l-iktar f’Għawdex

Kien perjodu mħabbat għal-lukandi u ristoranti f’Malta u Għawdex waqt il-btajjel ta’ Santa Marija. Dan hekk kif kienu bosta Maltin u turisti li għażlu li jqattgħu ftit jiem ta’ mistrieħ f’postijiet ta’ akkomodazzjoni mifruxin madwar Malta u Għawdex.  Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u Ristoranti Tony Zahra qal li l-perjodu ta’ Santa Marija kien tajjeb ħafna għas-settur turistiku fil-gżejjer Maltin, għaliex “jidher li Santa Marija kienet tajba ħafna mhux biss għat-turisti imma anke għal-lokal, għax il-lokal ipparteċipa ħafna fis-settur tal-ospitalità, speċjalment f’Għawdex”.

 

Zahra kompla jispjega kif ix-xogħol qatiegħ ma kienx biss fil-lukandi u postijiet ta’ akkomodazzjoni imma wkoll fir-ristoranti; fejn kienu ħafna li għażlu li jgawdu l-ġranet twal u sajfin f’atmosfera aktar trankwilla u rilassanti: “Kollha rrappurtaw li kellhom festive peak tajjeb ħafna, u aħna konna ferħanin ħafna biha”

Meta wieħed isemmi l-btajjel li ġġib magħha l-festa ta’ Santa Marija, wieħed ma jistax ma jġibx quddiem għajnejh il-gżira Għawdxija- fejn għal darb’oħra mijiet ta’ Maltin u turisti qasmu l-fliegu sabiex iqattgħu ftit jiem ta’ mistrieħ hemmhekk.

Ma’ One News, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’ Għawdex Joe Muscat esprima s-sodisfazzjon tiegħu l-matul dawn il-ġranet, il-gżira tat-tlett għoljiet kienet maħnuqa bil-Maltin u turisti li fissru aktar flus fl-ekonomija Għawdxija: “Il-perjodu ta’ Santa Marija kien bieżel ħafna. L-akkomodazzjoni kienet meħuda kollha, u stabbilimenti u retial outlets irrapurtaw perjodu tajjeb hafna għalihom bil-volum ta’ nies li l-gżira ospitat fil-jiem ta’ Santa Marija- dan huwa l-qofol tal-istaġun turistiku”

Ma’ One News, Muscat spjega kif matul dawn il-btajjel, kwalunkwe tip ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni bħal lukandi, farmhouses, appartamenti kif ukoll boutique hotels kienu kollha mimlijin- li jfisser riżultati pożittivi fuq l-ekonomija Għawdxija kif ukoll fil-prodott domestiku gross: “L-industrija turistika b’mod globali f’Għawdex qed  tipproduċi 50% tal-gdp. Dak huwa fuq livell annwali ta’ sena, u dan juri kemm hu importanti għal gżira Għawdxija”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend