ARA: Ta' Busuttil jgħidu li Stellini 'Ġuda' u 'Mixtri' | One News

Notifiki

ARA: Ta’ Busuttil jgħidu li Stellini ‘Ġuda’ u ‘Mixtri’

Id-Deputat Nazzjonalista David Stellini huwa l-aħħar minn sensiela ta’ persuni li jinsabu fil-mira tal-grupp li fil-Partit Nazzjonalista għadu jappoġġja lill-Eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Stellini kien jaħdem Brussell sa qabel ma kkontesta l-aħħar elezzjoni ġenerali u kien elett fil-Parlament mid-distrett ta’ Għawdex.

Lura Malta, kellu jibda ħajja ġdida u jidher li ma kienx lest jirriskja l-karriera politika tiegħu biex jeħodha kontra l-Kap tal-Partit, kif qed jagħmel grupp ta’ nies li sa qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali kien qrib tiegħu ħafna.

Il-gazetta Kullħadd irraportat li skont dawk li jappoġġjaw lil Simon Busuttil, David Stellini ngħata impjieg part-time fid-Dar Ċentrali bħala Koordinatur tal-Attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista.

Impjieg fuq bażi part-time bl-iskop li bħala uffiċċjal tal-partit, iżommu iktar l-istamperija iżda wkoll jissupplimentalu l-onorarja parlamentari.

Naturalment, dan qed ikun interpretat bħala rigal għall-appoġġ li qed jagħti lil Delia fil-miftuħ u nies qrib Simon Busuttil ma qagħdux lura milli juru fil-miftuħ li huma urtati għalih.

Tant li qegħdin jgħidulu Ġuda u mixtri, għax qed tiġri l-kelma li ngħata impjieg part-time fid-Dar Ċentrali.
L-Eks Deputat Jason Azzopardi ma semmiehx b’ismu, però kien wara li Stellini kiteb artiklu jappoġġja l-istrateġija ta’ Delia li kiteb status li hemm min jinbiegħ għal tlettin biċċa tal-fidda.

Fil-fatt il-grupp ta’ Busuttil iħossu li Stellini tradihom bil-kbir.

Ma’ Azzopardi ingħaqad ukoll David Thake. F’vidjow li kien ippubblikat fuq Facebook, Thake qal li xi darba kellu rispett lejn Stellini iżda llum tilfu kollu.

Intant, fl-aħħar ġimgħat kien hemm rabja wkoll għall-preżenza ta’ Claudette Delia, il-mara ta ħu Adrian Delia, li s-sorsi tal-Kullħadd sostnew li ingħatat impjieg fid-Dar Ċentrali bħala assistenta ta’ Adrian Delia.

Għalkemm wara li żvelajna l-istorja aħna, Delia kitbet fuq Facebook li qed tmur kuljum id-Dar Ċentrali u tagħmel dan ix-xogħol b’mod volontarju. L-istess kiteb is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli, li kkonferma dak li żvelajna għalkemm qal li x-xogħol qed tagħmlu bla ħlas.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend