Qanpiena ta’ 260 sena lura f’Ħad-Dingli – One News

Notifiki

Qanpiena ta’ 260 sena lura f’Ħad-Dingli

F’Lejlet il-Festa ta’ Santa Marija f’Ħad-Dingli ġie inawgurat proġett ta’ restawr fuq qanpiena imprezzabli li tmur lura għas-seklu 18. Din kienet l-aħħar waħda maħduma fil-funderija ewlenija tal-Kavallieri ta’ San Ġwann minn Ġulju Cauchi, l-istess persuna magħrufa għax-xogħol li għamel fuq il-qniepen tal-Kon-Katidral fil-Belt Valletta.

Din il-qanpiena, bl-isem tal-Annunzjata, li kienet tintuża għall-użu parrokjali għal bosta snin, kienet ilha 20 sena fi stat ta’ abbandun fiċ-ċimiterju tal-istess Parroċċa minħabba ħsarat etensivi. Permezz ta’ għajnuna mogħtija mill-Ministri Ian Borg u Edward Scicluna flimkien mal-Fondi għall-Kawżi Ġusti, din il-qanpiena setgħet tingħata lura l-glorja tagħha.

Filwaqt li matul il-jum tal-festa se titgawda mil-qrib minn dawk li jżuru Ħad-Dingli, fil-ġimgħat li ġejjin din se tkun qed tittella’ lura fil-kampnar tal-Knisja biex takkumpanja il-ħamest iniepen l-oħra tal-Parroċċa.

Dan tħabbar f’ċerimonja speċjali f’lejlet il-Festa fil-preżenza tal-Arċipriet Dun Mark Mallia Pawley, l-eks-Arċipriet Dun Ewkarist Zammit u l-kampanologu Kenneth Cauchi li amministra dan il-proġett ta’ restawr.

Intant il-qofol tal-festa ta’ Santa Marija jintlaħaq illejla bil-ħruġ tal-purċissjoni fis-19:00 akkumpanjat minn ħruq tal-logħob tan-nar tal-ajru. Fit-tmiem se jinħaraq ukoll spettaklu minn fuq il-bejt tal-każin sinkronizzat mal-mużika.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend