ARA: Deċiżjonijiet li ħarsu l-interess nazzjonali u d-dinjità umana | One News

Notifiki

ARA: Deċiżjonijiet li ħarsu l-interess nazzjonali u d-dinjità umana

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, spjega li fid-deċiżjoni li ħa l-Gvern Malti fl-aħħar jiem b’rabta mal-immigrazzjoni ntlaħaq bilanċ bejn l-interess nazzjonali u d-dinjità umana. Fakkar li pajjiżna ma tgħabbiex b’piż li ma jiflaħx għalih, filwaqt li żamm sod fejn ma kienx l-obbligu tiegħu li jieħu hu r-responsabbiltà ta’ immigranti li kienu qed jivjaġġaw fil-Mediterran.

F’intervista rrekordjata s-Sibt filgħodu fuq ONE Radio, il-Prim Ministru tkellem dwar kif dawn huma kwistjonijiet serjissimi u daħal fid-dettall dwar xi jnebbaħ lill-gvern fid-deċiżjonijiet tiegħu.

“Jiena bħala Prim Ministru rrid nibbilanċja bejn żewġ fatturi kruċjali. L-interess nazzjonali, iġifieri l-interess ta’ kull Malti u Maltija… u d-dinjità umana, li hi xi ħaġa essenzjali minn dak li jgħamilna soċjetà demokratika. Hija waħda mir-raġunijiet għaliex jien għażilt li nimmilita fil-Partit Laburista,” qal Joseph Muscat li tkellem dwar obbligi oħra.

“Għandna wkoll obbligi legali u internazzjonali… biex pajjiż ikun meqjus bħala pajjiż li tista’ toqgħod fuqu, il-liġijiet internazzjonali li aħna marbutin magħhom rridu li nsegwuhom. Inkella nispiċċaw wieħed minn dawk il-ftit pajjiżi madwar id-dinja li ma jafdana ħadd. U ma jafdak ħadd ma jfissirx li ma jafdawkx fuq kwistjonijiet ta’ immigrazzjoni. Ifisser li ma jafdawk fuq xejn,” żied jispjega l-Prim Ministru.

Kwistjoni Aquarius

Beda billi spjega l-kwistjoni tal-bastiment Aquarius li salva numru ta’ persuni eżatt mal-baħar li huwa kompetenza tal-Libja.

“Ejja ngħidu li nfurmaw u kienu kkordinati mill-Coast Guard Libjana. Hemm inħolqot sitwazzjoni li  sa issa kienet bla preċedent. Ladarba dawn il-persuni li ġew salvati ġew mgħobbija fuq dan il-vapur, ma kinux mgħobbija fuq vapur tal-coast guard libjana… ma setgħux jittieħdu l-Libja bil-liġi internazzjonali. Kieku laħqithom il-Coast Guard Libjana, l-ewwel kienu jittieħdu l-Libja.

“Dan il-vapur beda jitlob fejn se jidħol. Kien se jinħoloq kwistjoni ta’ inċident kbir, kriżi umanitarja… ipparkja bejnietna u l-Italja u waqaf hemm jistenna. F’mument minnhom li kieku resqu ftit metri lejn l-Italja u għajtu li qegħdin in distress, għax ikun hemm nies morda abbord, għax jispiċċaw il-provvisti, għax jispiċċa l-fuel jew jinħoloq il-maltemp dawn kellhom jidħlu bilfors l-Italja.  Jekk jiċċaqalqu 50 metru ‘l hawn u jgħidu li huma in distress kienu jidħlu Malta,” spjega l-Prim Ministru.

Fisser kif hawn ħa inizjattiva l-President Franċiż Emanuel Macron.

“Bdejna naraw kif tista’ tinstab soluzzjoni Ewropea. Flimkien mal-President Macron bdejna ngħamlu dan ir-raġunament… li jgħodd għal Franza iżda iktar għal Malta. Li l-għażla hi bejn ħsieb li taqbad u tgħalaq kollox… tgħid jien ma jinteressani minn xejn… imma tkun qed tara biss sal-ponta sa mnieħrek,” qal Joseph Msucat li fisser kif meta tiġi biex tgħamel affarijiet fuq livelli oħra ta’ politika, pajjiżi oħra mhux se jafdawk għax tinjora l-liġijiet.

“Jew hemm il-linja progressista li tipprova li flimkien tasal għal ftehim, tasal għal soluzzjoni,” żied il-Prim Ministru li spjega fid-dettall x’kienet din is-soluzzjoni.

Fakkar kif fuq l-Aquarius kien hemm 141 persuna u mal-President Franċiż argumenta li kien lest jdaħħal il-vapur imma l-persuni kollha fuqu ma jistgħux jibqgħu  Malta. “Aħna ma ftehmnix li minn dawn il-141 nżommu għoxrin, għaxra, wieħed… Minn dawn il-141 persuna żammejna żero. L-ebda persuna” qal Joseph Muscat.

Il-Prim Ministru spjega kif dawn tqassmu bejn Franza, il-Ġermanja, Spanja, Portugall u Lussemburgu. Fisser kif diġa’ beda l-proċess biex imorru f’dawn il-pajjiżi bl-esperti diġa’ bdew jaslu f’pajjiżna.

Iżda, dan ma kienx l-uniku ftehim.

Fl-istess ħin argumenta li Malta kienet għadha kif salvat 114 -il persuna oħra.

“Dawn huma persuni kollha responsabbiltà ta’ Malta… Kienu fl-ibħra Maltin u kienu qed jegħrqu u meta jkunu qed jegħrqu, nieħdu deċiżjoni…. deċiżjoni waħda trid tgħamel. Imutu jew ma jmutux. M’għandekx deċiżjoni oħra,” qal Joseph Muscat li fakkar kif f’dawn id-dgħajjes ikun hemm tfal u nies ta’ kull età qed jegħrqu.

“Jgħidulek tagħtina permess immorru nsalvawhom? U jien ovvjament se ngħid iva. Inkella, ngħid jien x’soċjalista demokratiku jien? X’Laburista nista ngħid li jien? Xi bniedem nista’ ngħid li jien,” qal Muscat li fisser kif xorta nnegozja li nofs il-114 –il ruħ jittieħdu wkoll minn pajjiżi oħra.

Fisser kif kien negozjat ħares l-interess nazzjonali. “Fil-bidu tal-ġurnata konna qed nieħdu ħsieb 114-il ruħ u fi tmiem il-ġurnata daħħalna 141 li bagħtinhom lura mill-ewwel u bagħtna nofs il-114. L-interess nazzjonali huwa servut,” qal Joseph Muscat li spjega kif huwa importanti li n-nies jisimgħu l-fatti.

Mistoqsi għaliex l-Aquarius tħalla jitlaq minn Malta Joseph Muscat spjega kif bħalissa hawn bastimenti ta’ NGOs oħra miżmuma Malta minħabba dubji fuq dokumenti jew għax ma segwewx ir-regoli. L-Aquarius kellu kwistjoni simili li qed jieħdu ħsiebha awtoritajiet ta’ pajjiżi oħra.

“L-awtoritajiet Ġibilta qalu li m’għandux il-permess li jagħmel ċertu affarijiet u tawh notice li se jneħħulu r-reġistrazzjoni. Il-mument tawh dak in-notice… jaqa’ fuq il-bandiera primarja tiegħu li hi l-bandiera Ġermaniża. Issa aħna konna f’kuntatti mal-awtoritajiet ta’ Ġibilta kif ukoll Ġermaniżi, l-awtoritajiet diġa’ bdew jieħdu passi u telaq minn Malta għax konna infurmati li qed jittieħdu l-passi,” qal Joseph Muscat li fisser kif bil-liġi internazzjonali ir-responsabbiltà hija tal-awtoritajiet li jagħtuh il-bandiera. Il-Prim Ministru qal li issa l-vapur mar Marsilja biex isolvi dawn il-kwistjonijiet u l-awtoritajiet Maltin infurmaw ukoll l-awtoritajiet Franċiżi.

Joseph Muscat fakkar kif kull ġurnata jkun hemm għexieren ta’ każi li jkunu qed jaqsmu mil-Libja għall-Ewropa. Qal li l-wasliet naqsu bi 80% iżda din mhux soluzzjoni dejjiema.

Is-sejba ta’ immigranti f’razzett

Il-Prim Ministru  għamel referenza wkoll għas-sejba ta’ numru ta’ immigranti li nstabu jgħixu f’razzett Ħal Qormi.

“Ħafna nies li nstabu f’dan il-famuż farm f’Ħal Qormi ma mhumiex nies li ġew bil-baħar… Dawn bit-tags tal-ajruplani minn postijiet partikolari fl-Italja. Daħlu l-Italja ma sabux xogħol u ġew regolarment b’dokument Taljan li jistgħu jivvjaġġaw bih imma suppost ladarba  tiġi hawn ma tistax taħdem…. Issa dawn se naħdmu biex nibgħatuhom lura l-Italja,” qal Joseph Muscat.

Stqarr li dan ir-rapport wasal għandu u fil-bidu ntqal li kien hemm iktar minn 60 persuna għalkemm jidher li kien hemm iktar minn hekk. Irrefera għall-kritika li mhux sew ittieħdet l-azzjoni għax m’għandhomx fejn joqgħodu.

“Il-passi jridu jittieħdu. Jekk din ħloqna problema oħra nsolvu l-problema l-oħra. Imma issa nafu bil-fatti kif qed jinżammu ċertu persuni li qed jiġu minn pajjiżi oħra b’mod sekondarju,” qal Muscat.

Kwistjoni mal-Italja

Mitlub jispjega l-kwistjoni li nqalgħet mal-Italja Joseph Muscat qal li din hi kwistjoni fuq dgħajsa b’170 ruħ fuqha li telgħet minn taħt Malta.

“Il-Libjani ma ħarġux għalihom… Il-Libjani qed jagħmlu ħafna xogħol, għall-ewwel darba li qed jieħdu miżuri, imma mhux qed ilaħħqu ma’ kollox jew hemm affarijiet oħra li jistgħu jkunu qed iseħħu,” spjega l-Prim Ministru li qal ladarba daħlu fl-ibħra li hi responsabbli Malta bdew ikunu segwiti.

“F’mument minnhom il-Forzi Armati ħarġu u qalulhom intom tridu li aħna nsalvawkom, għax ma kinux qegħdin fil-periklu li jgħerqu. Il-liġi internazzjonali tgħidlek li ladarba dgħajsa ma tidħolx fl-ibħra tiegħek… ma tistax tgħidlu ieqaf jew mur l-hawn jew lhemm,” spjega l-Prim Ministru.

Kompla jgħid li l-analiżi kienet dawn m’għandhomx problemi tant li qalu li jridu jibqgħu għaddejin ‘il quddiem tant li baqgħu għaddejin lejn Lampedusa. “Kif kienu se joħorġu mill-ibħra responsabbiltà ta’ Malta u jidħlu fl-ibħra internazzjonali responsabbiltà tal-Italja, it-Taljani bil-vapur tagħhom li hu parti minn operazzjoni tal-Unjoni Ewropea Themis ħareġ għalihom u għabbihom. It-Taljani qalulna għidulna biex niġu bihom Malta. Aħna għidna Le,” qal Joseph Muscat. L-ewwel nett għax ladarba għabbewhom fuq vapur militari Taljan issa huma legalment responsabbilta tal-Italja u t-tieni nett minkejja l-interception li kien hemm, din seħħet ħafna u ħafna eqreb ta’ Lampedusa u għalhekk deċiżjoni tagħhom joħduhomx Lampedusa jew port ieħor Taljan.

“Il-pożizzjoni tagħna hija legament u moralment korretta,” qal Joseph Muscat.

Qrib il-poplu Taljan

Il-Prim Ministru qal li din it-tensjoni bejn iż-żewġ pajjiżi ma tneħħi xejn mill-fatt li bħala poplu nħossuna qrib ħafna tal-poplu Taljan minħabba t-traġedja ta’ Genova. “Ħafna Maltin ħassewha,” qal Joseph Muscat li tenna li hemm tagħlima għal kull gvern biex jieħdu ħsieb l-infrastruttura tal-pajjiż. Qal li Malta għamlet analiżi ta’ ħafna mill-pontijiet li kellna tant li kien irranġat il-pont tal-Mistra u se ttieħed azzjoni fuq pont f’Ħal Qormi. Tenna li huwa importanti li min jinnota xi ħaġa jirrapporta u fisser l-investiment kbir li l-pajjiż qed jagħmel fl-infrastruttura.

Rapport pożittiv 

Tkellem ukoll dwar ir-rapport tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu d-DBRS. “Ħarġulna clean bill of health ekonomika oħra,” qal il-Prim Ministru li fakkar kif fi Frar tawna upgrade għal A high.

Innota kif id-DBRS irrimarkat b’mod interessanti fuq governanza u tgħid li minkejja l-kritika meta tiġi għall-indikaturi tal-World Bank, Malta tibqa’ mal-aqwa 25 tad-dinja. Innota kif jikkummentaw ukoll dwar l-inkjesta tal-Egrant.

“Fil-fehma tiegħi, dan turi kemm il-mod kif qed titmexxa l-ekonomija u qed naħdmu għal-iktar investiment u noħolqu iktar xogħol, qed iwasslu għal riżultat bħal dan,” temm Joseph Muscat.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend