F'karriera ta' 25 sena mal-Forzi Armati salva ħajjet in-nies f'180 każ | One News

Notifiki

F’karriera ta’ 25 sena mal-Forzi Armati salva ħajjet in-nies f’180 każ

F’mija u tmenin każ differenti, Garrison Sergeant Major Roger Mulvaney salva ħajjet in-nies li sabu ruħhom f’diffikulta fil-baħar.

Il-karriera tiegħu fil-Forzi Armati ta’ Malta bdiet fl-elf disgħa mija disgħa u tmenin, u għall-ħamsa u għoxrin sena sħaħ serva bħala ħaddiem tas-salvataġġ fuq il-helicopter.

Mulvaney jiddeskrivi din il-karriera bħala waħda ta’ sodisfazzjon, iżda mimlija emozzjonijiet kemm ta’ ferħ, imma wkoll ta’ niket meta s-salvataġġ mhux dejjem mar kif mixtieq.

Mulvaney spjega li “L-agħar ikunu dawk il-kazijiet meta  ma naslux fil-ħin. Għax il-call tidhol tard. U tasal fuq il-post u isib il-casuality mejjet. Tipprova taghmel minn kollox imma għalxejn u tispicca tibki.”

Wieħed mill-każijiet li jibqa’ jiftakar huwa meta fl-ewwel ta’ Settembru tal-elfejn u sebgħa salva turist franċiz li sab ruħu f’diffikulta f’għar fil-bajja tal-Gnejna.

Dakinhar il-qawwa tal-baħar kien bejn forza sebgħa u forza tmienja.

Kollegi ta’ Mulvaney bdew ituh il-parir sabiex joqgħod attent, iżda ladarba kien ta l-kelma lit-turist li se jsalvah u se jtih l-għajnuna meħtieġa, Mulvaney irriskja ħajtu.

Spjega kif ma kienx hemm għażla oħra ħlief li jaqbeż xi ħadd u għalekk ħa d-deċiżjoni proprju fil-mument.

Minkejja s-sodisfazzjon li għen lil dan it-turist, fiċ-ċerimonja ta’ Jum ir-Repubblika tal-elfejn u sebgħa – Roger Mulvaney ingħata l-midalja tal-qlubija.

Hu qal kif dak il-ħin ħa riskju u jirringrazzja lil bambin li għenu u kien miegħu.

Garrison Sergeant Major Roger Mulvaney illum inkarigat mix-xogħol tad-dixxiplina u ċerimonji tal-AFM. Xogħol ta’ sodisfazzjoni imma meta jara helicopter itir sejjer fuq emerġenza, ikun jixtieq li għadu jagħmel dak ix-xogħol.

Qal “Hemm ħafna sodisfazzjoni fiha. Però meta nara ħelikopter itir biex imur fuq emerġenza f’qalbi nixtieq li nkun hemm.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend