Ottimizmu kbir fit-tim ta' Gżira United | One News

Notifiki

Ottimizmu kbir fit-tim ta’ Gżira United

Gżira Utd qed iħarsu b’ottimizmu lejn l-istaġun il-ġdid u filwaqt li saħħew l-iskwadra mexjin fuq pjan sabiex il-klabb isir wieħed mija fil-mija professjonali. Dan intqal illum waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-klabb gżirjan fejn matulha ġew ippreżentati l-akkwisti l-ġodda.

Il-president Sharlon Pace qal li l-klabb żamm il-plejers Maltin kollha ħlief wieħed filwaqt li għamel tlett akkwisti barranin. Dawn huma: l-Braziljani Jorge Da Silva Perreira u Rodolfo Dos Santos mingħand Hibernians u t-Taljan Thomas Veronese mingħand Mosta.

B’kollox il-klabb għandu sitt plejers barranin irreġistrati bil-konferma ta’ Amadou Samb, Edison Bilbao Zarate u Destin Prince Mambouana. Huma qed jahdmu wkoll fuq is-seba’ barrani. F’dawn l-aħħar xhur il-klabb mhux biss saħħaħ l-iskwadra izda wkoll l-istaff tekniku u anke l-faċilitajiet tal-klabb.

Sharlon Pace ħabbar li waslu fi ftehim ma’ bosta postijiet tax-xogħol tal-plejers Maltin sabiex dawn ikunu jistgħu jitħarrġu wkoll mal-bqija tal-iskwadra darbtejn fil-ġimgħa filgħodu. Il-mira hi li fi żmien tlett snin il-plejers kollha minn semi professjonali jkunu mija fil-mija professjonali.

Il-president ta’ Gżira Utd ikkonferma li qed jaħdmu sabiex ikollom stadium ġdid u jinsab ottimist li fix-xhur li ġejjien jinstab il-post fejn dan ikun jista’ jsir.

Konfermat il-kowċ Darren Abdilla li se jkun assitit minn Andrew Cohen. Abdilla qal li l-mira ewlenija hi li jerġgħu jiksbu post fl-Ewropa. Mistoqsi dwar l-aspirazzjonijiet għar-rebħ tal-kampjonat huwa qal li meta qed timmira għall-post fl-Ewropa tkun ukoll qed tisfida għal xi ħaġa aħjar.

L-isponsor għall-istagun il-ġdid se jkun Jeep.

Ritratti: Marlon Galea

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend