It-tieni edizzjoni tal-Gozo Film Festival | One News

Notifiki

It-tieni edizzjoni tal-Gozo Film Festival

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nediet it-tieni edizzjoni tal-Gozo Film Festival u qalet li wara s-suċċess li nkiseb is-sena l-oħra bl-ewwel edizzjoni, il-Gozo Film Club, bis-sostenn tad-Direttorat tat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fi ħdan l-istess Ministeru, qed jorganizza t-tieni edizzjoni ta’ dan il-festival. Il-Ministru Caruana qalet li r-repertorju preparat għal din l-edizzjoni hu wieħed varjat bl-għan li jattira udjenza usa’ kemm fil-gosti kif ukoll fl-etajiet.

Il-Ministru għal Għawdex tkellmet dwar kif l-għan tal-Ministeru hu li ċ-Ċitadella tingħata l-ħajja b’numru ta’ attivtajiet, u l-Gozo Film Festival hu wieħed minnhom. Il-Ministru Caruana żiedet tgħid li festival bħal dan iservi ta’ vetrina u promozzjoni għal Għawdex f’industrija kbira li tiġġenera ammont sostanzjali ta’ xogħol u attività ekonomika. Justyne Caruana sostniet li l-Ministeru għal Għawdex, permezz ukoll tal-Malta Film Commission, qed jesplora possibilitajiet oħra biex jattira lejn Għawdex proprju din l-industrija. Qalet ukoll li festival bħal dan ikompli jkabbar l-interess fost id-dilettanti tal-films u oħrajn li jaspiraw li jkunu involuti f’din l-industrija.

Federico Chini, il-persuna responsabbli minn dan il-festival, ta ħarsa dettaljata u spjega li matul it-tlett ijem li fihom se jsir il-festival, se jintwerew films f’ambjenti differenti madwar is-sit taċ- Ċittadella. Il-post ewlieni fejn se jintwerew il-films prinċipali huwa l-Bastjun ta’ San Ġwann fiċ-Ċittadella, u hawn se jintwerew fuq liżar imtella’ apposta fl-apert. Barra minn hekk, se jkun hemm ukoll l-opportunità li t-tfal jitgħallmu dwar il-produzzjoni tal-films u x-xogħol għat-televiżjoni.

Il-Gozo Film Festival se jsir bejn il-Ġimgħa 24, u l-Ħadd 26 ta’ Awwissu u se jkun mifrux f’postijiet differenti madwar iċ-Ċittadella. B’kollox se jintwerew 41 film qasir (short films) li jinkludu 9 produzzjonijet minn produtturi Maltin u Għawdxin. Filgħaxija se jintwera film li hu marbut ma’ pajjiżna. Dawn il-films huma Kon-Tik li ser jintwera l-Ġimgħa, 24 ta’ Awwissu, u 20,000 Reasons li se jintwera it-Tnejn, 20 ta’ Awwissu. Il-Ħadd, l-udjenza se tkun tista’ tassisti għall-film adattat għal familja kollha Treasure in Malta.

L-avveniment se jsir bla ħlas tul it-tlett ijiem kollha u l-pubbliku huwa mħeġġeġ li jattendi.

Għal aktar dettalji dwar il-festival wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook bl-isem ‘Gozo Film Festival’.

Ritratti: MGOZ

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend