Illejla jibda l-Karnival Malti tas-Sajf | One News

Notifiki

Illejla jibda l-Karnival Malti tas-Sajf

Avveniment li kulma jmur matul ix-xhur tas-sajf fil-gżejjer Maltin qiegħed jiżdied fil-popolarità sew mal-komunità Maltija u sew mat-turisti huwa l-karnival Malti tas-sajf. L-edizzjoni ta’ din is-sena ser issir bejn il-Ġimgħa 17 u l-Ħadd 19 ta’ Awwissu.

Din is-sena il-festi karnivaleski sajfin ser jinkludu għall-ewwel darba parata tal-karnival tul ix-xatt ta’ Marsaskala il-Ħadd 17 ta’ Awwissu mis-19:00 ’l quddiem.

Ser issir ukoll il-ġostra tradizzjonali fil-bajja ta’ taħt il-pjazza ta’ Buġibba. Wara jkun hemm défilé u parata tal-karnival tul it-toroq ewlenin ta’ Buġibba. Il-ġostra hija logħba tradizzjonali li tmur lura għal żmien il-Kavallieri. Il-kelma ġostra ġejja mill-kelma Taljana giostra, li tfisser turnew. Għalina l-Maltin, però, tfisser logħba li fiha jintrama arblu twil midluk bix-xaħam fuq barkun jew moll. Il-kompetituri mbagħad jitilgħu miegħu biex jilħqu bnadar li jkunu tpoġġew man-naħa ta’ fuq tiegħu biex jirbħu premju, filwaqt li dawk li jiżolqu jispiċċaw fil-baħar fost id-daħk tal-ispettaturi.

Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival tas-Sajf jiġu organizzati mill-Kunsill Malti għall-Arti bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-kunsilli lokali ta’ San Pawl il- Baħar u ta’ Marsaskala.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend