BIL-FILMAT: Ħanxrilha għonqha wara li wasslitu d-dar mill-Armier | One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Ħanxrilha għonqha wara li wasslitu d-dar mill-Armier

Sigħat qabel instabet b’għonqha mħanxar f’Santa Venera, l-akkużat Jelle Rijpma u l-vittma Shannon Mak kienu flimkien fl-Armier waqt attività ta’ kumpanija tal-Gaming li kienu jaħdmu magħha.

Dan sostnieh l-Ispettur Kurt Zahra fil-Qorti meta dalgħodu kien hemm il-kumpilazzjoni tal-Olandiż ta’ tnejn u għoxrin sena mixli bil-qtil tat-tfajla Olandiża.

Fil-Qorti ġie spjegat li Shannon Mak kienet tiftaħ qalbha ma’ ħbiebha li meta kienet toħroġ ma’ Jelle Rijpma kien ikun aggressiv magħha. Filfatt hija kienet qalet lil sħabha li kien għalhekk li telqitu.

Quddiem il-Maġistrat Simone Grech, intqal li l-akkużat u l-vittma kienu ilhom xi ġimgħatejn li temmew ir-relazzjoni iżda fis-sigħat ta’ qabel kienu flimkien u saħansitra Shannon Mak waslet lill-allegat qattiel.

L-Ispettur Zahra saħaq li Mak waslet lill-akkużat fl-appartament tiegħu fi Triq l-Istampaturi, metri ‘l bogħod minn fejn instab il-katavru ta’ Shannon Mak fi Triq il-Mastrudaxxi.

Intqal li hemm hekk huma kellhom argument, u l-Olandiż qabad sikkina mill-kċina twila bejn erbgħa u sitt pulzieri u ħadha fil-post fejn instabet mejta u ħanxrilha għonqha.

L-Ispettur żied jisħaq li filmati minn kameras tas-sigurtà li ġew elevati mill-post tad-delitt urew lill-akkużat jiġri b’xi ħaġa f’idu.
L-Ispettur reġa’ spjega kif wara li waslu għall-allegat qattiel, huma daħlu biex jarrestawh u sabuh fuq sufan.

Meta ttieħed id-depot hu l-pulizija saqsitu għall-għajnuna legali huwa ammetta li kellu argument mat-tfajla Olandiża u qatilha.

Fil-Qorti ntqal li f’terazzin viċin fejn instab il-ġisem bla ħajja ta’ Shannon Mak instabet sikkina u telefon ċellulari li t-tnejn kienu mċappsin bid-demm.

Ftit wara sar magħruf li t-telefon ċellulari kien tal-vittma.

Intqal li l-akkużat prova jeħles minn dawn l-affarijiet fejn l-istess kameras tas-sigurtà qabduh jagħmel dan.

Viċin ukoll fejn instabet ix-xena makabra kien hemm il-karozza ta’ Shannon Mak.

Intant fil-Qorti ntqal li kien Robert Spiteri, persuna li toqgħod viċin fejn instabet maqtula Shannon Mak li hu u joħroġ l-iskart għal ħabta tas-sitta ta’ filgħodu ra mara mitluqa mal-art.

Għal bidu, Spiteri ħaseb li kienet fis-sakra iżda meta resaq viċin ra t-tfajla f’għadira demm fejn ċempel minnufih lill-pulizija.

Sadanittant xehed ukoll Robert Spiteri li sab lil vittma mixħuta mal-art.

Filwaqt li kkonferma dak li qal aktar qabel l-Ispettur Kurt Zahra, huwa spjega li għandu ċ-ċertifikati biex jagħti l-ewwel għajnuna u hekk kif resaq lejn il-vittma ra d-demm minn taħt geddumha l’ isfel.

Spjega li huwa ma messx il-vittma u qal li ġisimha kien vjola.

Spiteri saħaq ukoll li d-demm taħt il-ġisem kien għaqad sew u kien hemm xi tajn taħt il-kadavru.

Il-kumpilazzjoni mistennija tkompli tinstema’ t-Tlieta 25 ta’ Settembru 2018.

Aqra iktar:

ARA: Bl-aħħar dettalji: Shannon Mak tinqatel mill-eks sieħeb tagħha

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend