Żgħażagħ Għawdxin b'impenn lejn ambjent iktar nadif | One News

Notifiki

Żgħażagħ Għawdxin b’impenn lejn ambjent iktar nadif

Bħala parti mill-attivitajiet organizzati f’Għawdex biex jitfakkar il-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ, ġiet organizzata #Wave of Changeclean-up event fil-bajja ta’ Marsalforn.

 Din l-attività saret b’impenn mill-Ministeru għal Għawdex fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, u pparteċipaw numru sabiħ ta’ żgħażagħ u ta’ għaddasa li bi sforz kollettiv ħadmu biex inaddfu l-bajja ta’ Marsalforn, inkluż qiegħ il-baħar.

Il-Ministru Justyne Caruana żaret l-attività u wriet sodisfazzjon li ż-żgħażagħ jieħdu dan is-suġġett bis-serjetà. Il-Ministru qalet li ġeneralment l-attivitajiet taż-żgħażagħ huma assoċjati ma’ ġenerazzjoni qawwija ta’ skart u l-attitudni li jadottaw hi waħda ta’ ‘kollox jgħaddi’ però f’dan il-każ iż-żgħażagħ bagħtu messaġġ ċar li jinteressahom mill-ambjent ta’ madwarhom u mill-patrimonju ta’ Għawdex.

Qalet ukoll li attivitajiet bħal dawn, fejn tispikka l-enerġija pożittiva taż-żgħażagħ, importanti li jiġu sostnuti u inkoraġġuti biex ikompli jikber l-interess fl-ambjent ta’ madwarna speċjalment fil-gżira Għawdxija.

Il-Ministru żiedet li l-Gvern jemmen bis-sħiħ fl-ambjent naturali tal-gżira Għawdxija, u li jrid isir kull sforz biex jiġi protett.

 L-attivitajiet marbuta mal-jum iddedikat liż-żgħażagħ se jiġu fi tmiemhom għada b’kunċert minn Red Electric fix-Xlendi. 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend