Jiskopru sistema biex traffikanti tad-droga jevitaw ikla ħabs | One News

Notifiki

Jiskopru sistema biex traffikanti tad-droga jevitaw ikla ħabs

Il-Pulizija Maltija skopriet sistema fejn fiha traffikanti tad-droga f’Paceville, sabiex jevitaw ikla ħabs, allegatament qed jaħbu ammonti żgħar tad-droga f’postijiet mwarrba madwar iż-żona ta’ Paceville. Dan sabiex inaqqsu r-riskju li jinqabdu b’ammonti kbar u jekk jitressqu l-Qorti ma jiġux akkużati bħala traffikanti.

Il-Qorti tal-Maġistrati semgħet dan waqt smigħ ta’ każ fejn tlett irġiel ġew arrestati b’rabta ma’ akkużi ta’ droga waqt il-jiem ta’ festi ta’ Santa Marija.

L-Ispettur Trevor Micallef spjega kif gruppi ta’ suspettati traffikanti tad-droga qed jinġabru f’żoni partikolari fejn hemm id-divertiment jistennew lill-klijenti, fejn wara jibgħatu lil persuna oħra li tkun taħdem magħhom biex jiġbru d-droga fi kwantità żgħira meta klijent javviċinahom.

Il-Qorti semgħet kif din id-droga tkun moħbija fi xquq u konsenturi f’postijiet strateġiċi madwar iż-żona ta’ Paceville. Dan ifisser li jekk il-persuna li tmur tiġbor id-droga minn din iż-żona tinqabad, l-istess persuna tkun tista’ tgħid li din id-droga kienet se tintuża għaliha personali u b’hekk ma teħilx sentenza ta’ ħabs twila daqslikieku kienet teħel jekk tinqabad b’ammont kbir u tiġi akkużata bi traffikar.

 

Abdifatah Ali Mohamed ta’ 23 sena mis-Somalja tressaq il-Qorti akkużat li kien fil-pussess tad-droga kannabis u kokaina wara li t-Tlieta li għadda ġie arrestat meta spettur tal-RIU rah jarmi xi ħaġa fl-art meta nduna li kien qed javviċinah Pulizija.

L-akkużat ammetta għall-akkużi kontrih bil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras tagħtu l-ħelsien mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet imposti għal sentejn, dan wara li ħadet inkonsiderazzjoni li l-akkużat wieġeb ħati mill-ewwel u kellu kondotta nadifa filwaqt li nstab b’ammont żgħir ta’ droga.

Intant Abdirashid Ibrahim Ahmed ta’ 23 sena u Abdiraheem Abbas Tahlil ta’ 22 sena tressqu l-Qorti akkużati li kienu fil-pussess ta’ droga kannabis li ma kinitx għall-użu personali tagħhom dan wara li ġew arrestati fl-istess lejl tat-Tlieta f’Paceville.

Iż-żewġ akkużati wieġbu mhux ħatja u nżammu arrestati fejn ma saret ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend