Għexieren jaqilgħu ċitazzjoni minħabba veloċità eċċessiva fuq il-baħar | One News

Notifiki

Għexieren jaqilgħu ċitazzjoni minħabba veloċità eċċessiva fuq il-baħar

Bejn Jannar u Lulju t-Taqsima tal-infurzar marittimu ta’ Transport Malta għamlet kważi 600 spezzjoni.

Minn dawn, 320 każ instab li l-baħħara kellhom kollox sew fuq id-dgħajsa. Mill-banda l-oħra 136 ingħataw twissija, u mija u tnejn u erbgħin oħra ngħataw ċitazzjoni.

Li ħadd ma jweġġa’ hija l-ewwel priorità tagħhom. Spjegalna dan Patrick Pollacco – Uffiċjal tas-Sigurtà u l-Infurzar fuq il-Baħar ta’ Transport Malta. Fil-fatt tul il-ħin imqatta’ magħhom, spjegalna kif is-suċċess tagħhom mhuwiex imkejjel f’kemm jagħtu multi, imma f’kemm jirnexxilhom jedukaw u jevitaw inċidenti.

Xogħolhom jinkludi spezzjonijiet ta’ rutina fuq dgħajjes kummerċjali, biex ikun żgurat li għandhom il-liċenzji meħtieġa, u li d-dgħajjes privati jkunu koperti b’reġistrazzjoni.

Pollacco ma jonqosx li fejn meħtieġ jiċċekkja wkoll li d-dgħajsa tkun mgħammra bl-ekwipaġġament ta’ sigurtà, bħalma huma ġkieket tas-salvataġġ.

Il-problema tal-veloċità eċċessiva jidher li mhix marbuta biss għas-sewwieqa tal-karozzi fit-toroq Maltin.

Fil-fatt din hija wkoll l-ikbar problema fuq il-baħar, tant li sal-aħħar ta’ Lulju, inħarġu mija u disgħa u sittin (169) twissija u ċitazzjoni.

Spjegalna li r-regoli huma ċari, li mitejn metru mill-kosta, u tliet mitt metru mill-bajjiet bir-ramel, wieħed ma jmurx lil hinn minn 10 mili nawtiċi fis-siegħa. Il-veloċitajiet massimi huma wkoll indikati minn bagi apposta li Transport Malta poġġiet biex tgħin lill-baħħara:

Qal li “Illum kulħadd jaf li mal-bajjiet trid issuq b’mod prudenti u galbat, biex ġurnata ta’ gost il-baħar ma tispiċċalekx fi traġedja jew għalik jew għal ħaddieħor.”

Barra minn dan, huma jgħassu wkoll iż-żoni tal-għawwiema, li huma mmarkati b’bagi ħomor u sofor. Dawn huma żoni fejn lanqas kenura bla magna ma tista’ tintuża.

Spjega li “Aħna mmorru f’dawn iż-żoni, u naraw li ħadd ma jkun hemm, l-ebda dgħajsa jew opra tal-baħar ma tkun f’dawn iż-żoni. U importanti li lanqas dgħajsa ma tista torbot mal-ħbula tagħhom.”

Pollacco spjegalna li tul is-snin, l-attività fl-ibħra u l-portijiet Maltin żdiedet ħafna, imma bil-ħidma ta’ Transport Malta, flimkien mal-Pulizija u l-Forzi Armati, kif ukoll grazzi għall-prudenza tal-parti l-kbira tal-baħħara, is-sitwazzjoni hija waħda tajba.

Qal ukoll li “Meta tqis l-ammont ta’ dgħajjes kif żdiedu, u minn fejn tlaqna u fejn qegħdin illum,  saru avvanzi kbar. Ma nkunx realistiku ngħid li m’hawnx abbuż, l-abbuż nibqgħu niltaqgħu miegħu. U min jabbuża jkollu jirrispondi għal dak l-abbuż.”

Il-penali għal min jabbuża jistgħu jwasslu għal multi serji, u saħansitra min jabbuża jista’ jitressaq il-Qorti.

Però tenna li fejn l-abbuż ma jkunx gravi, jagħmlu mill-aqwa tagħhom biex jedukaw lil dak li jkun. Dan biex kemm jista’ jkun jiġu evitati inċidenti fatali u korrimenti.

Għaldaqstant, għamel enfasi fuq numru ta’ prekawzjonijiet li l-baħħar għandu jieħu

Tenna li “Qabel wieħed ibaħħar jara t-temp kif se jkun: il-forza, d-direzzjoni, kemm tiflaħ id-dgħajsa tiegħu, l-avvizi tal-baħħara, importanti li wieħed jara dawn l-avviżi li noħorgu, li ikun jaf li fejn sejjer b’hemmx restrizzjonijiet, li għandek ilma u fjuwil biżżejjed biex tiġi lura, u li l-mezz ta’ komunikazzjoni qiegħed jaħdem.”

Fakkar fuq kollox li l-prudenza għandha tkun l-ogħla priorità, biex kemm jista’ jkun jum ta’ divertiment jew xogħol fuq il-baħar, ma jinbidilx fi traġedja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend