Ċikliżmu: William Hili Champion; it-tieni titlu għal Marie Claire Aquilina | One News

Notifiki

Ċikliżmu: William Hili Champion; it-tieni titlu għal Marie Claire Aquilina

Il-kampjonat Nazzjonali tat-Time Trial organizzat mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu ġie riċentament fi tmiemu fejn William Hili ta’ Mosta AF Sign Studio CC ikun inkurunat champion b’total ta’ 575 punt miksuba minn rebħiet fl-Mtarfa u fil-Miżieb, filwaqt li spiċċa t-tieni fl-Mrieħel. Alexander Pettett ta’ Pro Action – CT Volata spiċċa t-tieni b’510 punt, mentri l-ex-champion Etienne Bonello tat-Team Greens spiċċa t-tielet b’455 punt.

Marie Claire Aquilina tat-Team Greens, ikkonfermat il-forma tajba tagħha meta spiċċat bħala champion tan-Nisa b’massimu ta’ 600 punt. Aquilina rebħet it-tliet tiġrijiet kollha li saru dan l-istaġun fejn ikkonfermat id-dominanza tagħha wara li iktar qabel kienet spiċċat ukoll champion tar-Road. Michelle Vella Wood (Team Greens) spiċċat fit-tieni post b’505 punt, filwaqt li Marion Pullicino, ta’ Mosta AF Sign Studio, li ħa t-tielet post b’455 punt.

Isaac Spiteri ta’ The Cyclist rebaħ il-Kampjonat tal-Junior meta rebaħ it-tliet tiġrijiet tiegħu. Spiteri kiseb ukoll double wara li ġimgħat ilu kien spiċċa wkoll champion tar-Road. It-tieni spiċċa Gianluca Camilleri ta’ Birkirkara St. Joseph SC b’525 punt filwaqt li t-tielet spiċċa Nicholas Vella ta’ Agones SFC b’157 punt.Ivan Zammit ta’ Birkirkara St Joseph rebaħ il-kategorija Master 40+ meta spiċċa fuq quddiem b’575 punt. Zammit rebaħ it-tiġrijiet li saru fl-Mtarfa u l-Mizieb filwaqt li ħa t-tieni post f’Mriehel. B’hekk Zammit baqa’ champion ta’ din il-Kategorija għat-tieni sena konsekuttiva. Malcolm Cachia ta’ The Cyclist ikklassifika fit-tieni post b’480 punt filwaqt li Nicholas Schembri ta’ Mosta AF Sign Studio CC kien it-tielet b’385 punt.

Il-Kampjonat tal-Masters 50 + intrebaħ minn Steve Mifsud ta’ Mosta AF Sign Studio CC b’total massimu ta’ 600 punt quddiem Mark Schembri u Joseph Micallef ta’ Mosta u ta’ The Cyclist  rispettivament li t-tnejn kisbu l-istess punteġġ ta’ 175 punt.

Il-kampjonat U-16 intrebaħ minn Sean Enriquez ta’ Mosta AF Sign Studio CC b’555 punt, miksuba minn rebħiet fl-Mtarfa u l-Miżieb, waqt li kien daħal it-tielet fl-Mrieħel. Għal Enriquez dan kien kampjonat doppju wara li iktar qabel kien rebaħ ukoll it-titlu tar-Road. Michael Sean Darmanin ta’ Mosta AF Sign Studio CC kien runner up b’425 punt, waqt li ċiklist ieħor Mosti, Malcolm Vassallo kien it-tielet b’355 punt.

Christina Spiteri ta’ The Cyclist spiċċat champion tal-under 14 tal-bniet metaħadet massimu ta’ 600 punt. B’hekk hija kisbet ukoll żewġ titli din is-sena. Justine De Giorgio u Bettina Falzon, it-tnejn tal-Mosta AF Sign Studio CC ikkompletaw il-podju b’350 u 315 punt rispettivament.

Matthew Galea Pirotta Mosta ta’ AF Sign Studio CC spiċċa l-ewwel fil-kategorija ta’ taħt is-14-il sena tas-Subien b’massimu ta’ 600 punt. Għal Galea Pirotta dan kien double wkoll ta’ titli. Huwa kien segwit minn żewġ ċiklisti oħra tal-istess klabb tal-Mosta, Tristan Aquilina u Leon Aquilina b’525 u 410 punt rispettivament.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend