ARA: Il-mument li fih il-vapur li nkalja f'San Pawl jerġa' lura fil-baħar f'Santa Marija | One News

Notifiki

ARA: Il-mument li fih il-vapur li nkalja f’San Pawl jerġa’ lura fil-baħar f’Santa Marija

Wara ftit aktar minn sitt xhur li kien ilu nkaljat mal-blat fil-ponta tal-Qawra, il-vapur Hephaestuz reġa’ lura fil-baħar f’operazzjoni li saret b’suċċess kmieni l-Erbgħa filgħodu.

It-tanker ta’ sittin metru rreġistrat it-Togo inkalja fil-Qawra waqt maltempata kbira li laqtet il-gżejjer Maltin fl-10 ta’ Frar li għadda f’jum San Pawl.

Sitt xhur wara, f’nhar Santa Marija li hija wkoll assoċjata ma’ ġrajja storika oħra f’pajjiżna, it-tanker reġa’ tniżżel fil-baħar permezz ta’ bosta inġenji speċjalizzati.

Hekk kif il-vapur spiċċa f’wiċċ l-ilma, evidenti s-sodisfazzjon tal-ħaddiema ta’ Cassar Ship Repair li għal dawn l-aħħar sitt xhur ħadmu qatigħ biex irranġaw il-ħsara kbira li ġarrab il-vapur, b’mod partikolari tiċrita kbira li kellu fil-qoxra tiegħu.

L-operazzjoni li saret taħt superviżjoni ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta bil-vapur qed jiġi rmunkat lejn it-tarzna tal-kuntrattur fil-Marsa.

Għal xhur sħaħ, il-vapur saħansitra kien spiċċa attrazzjoni b’bosta Maltin u turisti jieħu ritratti u filmati tal-vapur inkaljat fuq il-blat.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend