Jekk għadek ma smajtx b’servizz.gov – One News

Notifiki

Jekk għadek ma smajtx b’servizz.gov

Kull tant żmien niltaqa’ ma’ persuni li ma jkunux għadhom semgħu b’servizz.gov. Ikolli ngħid li bħala waħda mill-persuni fit-tmexxija ta’ din l-aġenzija, inħossni xi ftit jew wisq iddiżappuntata għaliex ta’ spiss isiru kampanji pubbliċitarji biex nassiguraw li s-servizz jasal għand kulħadd.Fl-istess ħin nirrealizza li forsi mhux kulħadd ġie bżonn servizz governattiv, u għaldaqstant għadu mhux konxju tas-servizz li noffru. Illum se neħodkom ftit lura fiż-żmien; mhux ħafna ta. Sempliċiment tliet snin ilu! Iva, daqshekk ilna noffru servizz liċ-ċittadin mill-qalba tal-komunità. Servizz.gov oriġina wara li l-amministrazzjoni ddeċidiet li trid twassal is-servizz għand in-nies u mhux in-nies jiġru wara s-servizz. Dan huwa l-kunċett bażiku ta’ servizz.gov. Spiċċa ż-żmien li persuna toqgħod tidħol bilfors il-Belt Valletta biex tinqeda. Għall-kuntrarju, wieħed jista’ faċilment jara liema huwa l-eqreb ċentru reġjonali viċin fejn joqgħod u jmur jinqeda minn hemmhekk.

F’Diċembru tal-2015 infetħu l-ewwel tliet ċentri reġjonali, wieħed f’Raħal Ġdid (fil-bini tal-Kunsill Lokali), ieħor f’Birkirkara (fil-bini taċ-Ċentru Ċiviku) u ieħor fil-Qawra (fiċ-ċentru LEAP). Sena wara żewġ ċentri oħra nfetħu fil-Birgu (fiċ-ċentru LEAP) u f’Ħal Qormi (viċin l-iskola Primarja ta’ San Ġorġ). Immedjatament wara twaqqaf is-sit elettroniku www.servizz.gov.mt li fih ġabar il-formularju kollu tal-gvern f’post wieħed. Dan ifisser li persuna m’ghandiex għalfejn toqgħod tara taħt liema Ministeru jaqa’ t-tali servizz, għaliex tidħol f’dan is-sit, tfittex is-servizz hemmhekk u issib applikazzjoni abbinata mas-servizz rispettiv.

Jikkumplimenta dan kollu hemm il-Freephone 153 li permezz tiegħu persuna tingħata għajnuna dwar dak kollu li għandha bżonn. Mhux hekk biss. Għal min jippreferi juża mobile app biex jinqeda jista’ jagħmel dan ukoll billi jniżżel l-app maltapps. Uħud mill-apps huma informattivi filwaqt li oħrajn joffru servizz liċ-ċittadin.

Għalhekk, għal min għadu ma semax b’servizz.gov, illum tajtu stampa ċara ta’ xinhu u l-ħsieb warajh. Jista’ jinqeda kulħadd, mill-omm li trid tapplika għall-Klabb 3-16 għal uliedha, sal-anżjan li jrid ikun jaf x’servizzi jista’ japplika għalihom.

Iva, illum sar daqshekk faċli biex tinqeda. Kemm tagħżel bl-liema mod trid tagħmel kuntatt ma’ servizz.gov, u tirċievi dak li teħtieġ.

Ta’ QabelLi Jmiss
Melissa Vella Buhagiar hija ċ-Chief Operations Officer tal-aġenzija tal-Gvern servizz.gov li tiġbor fi ħdanha s-servizzi governattivi kollha. F’dan il-blog se tkun qed twassal informazzjoni dwar is-servizzi li joffri servizz.gov permezz tas-sit elettroniku servizz.gov.mt, il-ħames ċentri reġjonali tiegħu u l-Freephone 153.

Send this to a friend