Jaqblilna narmu lil ‘Ralph Singh’? – One News

Notifiki

Jaqblilna narmu lil ‘Ralph Singh’?

Fil-11 ta’ Awwissu miet Sir VS Naipaul.  Kellu 85 sena. Forsi hawn min qed jistaqsini, min hu?  Darba ġie f’idejja l-ktieb “The Mimic Men”.  Interessani l-ktieb u interessani l-awtur.

Bla dubju, Sir Naipaul kellu pinna tal-għaġeb.  Għalkemm inwieled fil-Karibew f’Awwissu 1932, il-kelma Ingliża kien jaf jilgħab biha sew.  F’pajjiżu mar jistudja fi Queen’s Royal College. Imabgaħd kompla jistudja l-Università ta’ Oxford.

In-narattiva kien jaf jibniha sew fuq l-ironija, it-traġedji u s-sofferenzi li jgħaddi minnhom il-bniedem.  Kien kittieb intelletwali.  Dwar dan hemm qbil tista’ tgħid minn kulħadd.  Mill-bqija, Sir Naipaul kien bniedem li biċċa kontrovesja kien jiekolha bħall-ħobż.  Dak li kien iħoss, kien jgħidlu.  Għalih, political correctness kien iqisha bħala djufija – mhux ħobż għal snienu.

Niftakar fl-2011, f’intervista mar-Rotal Geographic Society, Sir Naipaul kien rapurtat li qal li ebda kittieba mara mhi tal-livel tiegħu!

F’ The Guardian minnufih wieġbitu l-ktritiku tal-letteratura Helen Brown li ddeskriviet lil Sir Naipaul bħala “arroganti, wieħed li dejjem ifittex l-attenzjoni.”  Brown issuġeriet lil Sir Naupaul biex jixtarr il-kliem ta’ George Eliot – dan kien il-psewdonimu li l-kittieba Ingliża Mary Anne Evans kienet tuża –  li x-xogħlijiet tagħha (fosthom “Silas Marner”) ħalla impatt fuq id-dinja tal-kultura ħafna aktar mix-xogħlijiet ta’ Sir Naipaul.

Helen Brown naħseb li kienet laqtet il-musmar fuq rasu meta iddeskribiet lil Sir Naipaul bħala wieħed li ħsiebu “jfittex l-attenzjoni”.  U forsi għahekk, kien jgħid dak li jgħid bla ebda konsiderazzjoni jekk hux qed joffendi lil xi ħadd.  Ngħidu aħna, darba qal li “mhemmx imperjaliżmu akbar minn dak tal-Islam u l-Għarab”.  Imma kif jammetti fl-awtobijografija tiegħu, huwa kellu ambizzjoni waħda: li jkun l-aktar awtur magħruf!  U ejjew nammettu li biex tkun magħruf trid tgħid affarijiet kontroversjali biex il-midja tatik l-attenzjoni.

Fl-2011, hu ingħata il-Premju Nobel għal-Letteratura.  Il-kumitat li għażlu ġġustifika l-għażla billi iddeskriva lil Naipaul “bħala filosofu modern li xettel ħsibietu sa mill-ewwel kitbiet tiegħu fejn wera kapaċità jippreżenta r-rabja tan-nies permezz tal-ironija.”

Fid-diskors tiegħu, Sir Naipaul qal li ħsiebietu jinstabu kollha fil-kotba li hu kiteb.  U naħseb li hekk hu, speċjalment jekk wieħed jaqra “The Mimic Men” li ġie ppubblikat fl-1967.  Hawnhekk, il-protagonist hu Ralph Singh.  Dan ikun wieħed li għandu parantela Indjana, imwieled fuq gżira fil-Karibew u ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-Ingilterra.  Hu jmur jgħix Londra u jħossu eżiljat kulturalment.  Singh jiddeċiedi li jikteb il-memorji tiegħu sabiex jipprova jsib ordni fl-eżistenza kaotika li hemm f’moħħu.  B’hekk Singh jispera li jsib l-għerq tad-diżiluużjoni li qed iħoss.

Il-ħajja ta’ Ralph Singh iġġibni wiċċ’imb wiċċ mar-realtà li qed ngħixu fiha llum f’pajjiżna u l-ħtieġa li nemmnu fid-diversità kulturali billi nintegraw lil kulħadd.  Nara li hawn hafna nies mhux Maltin fostna li jixbħu lil Ralph Singh.  X’irridu minnhom: inkomplu niżolawhom jew nintegrawhom u aħna nsiru aktar għonja billi nirrespettaw u nitgħallmu mill-kultura tagħhom?  Għax kif kien jgħid il-filosfu Brażiljan Paulo Freire, m’hawn ebda adult li ma jġorrx miegħu bagalja ta’ għerf.

Ta’ QabelLi Jmiss
Mario Azzopardi għandu passjoni kbira għall-films. Ilu jipproduċi programmi għar-radju u t-televiżjoni dwar il-films mill-1981 u ilu jikteb fil-ġurnali tal-Union Press dwar il-films mill-1990. Ġie mistieden tliet darbiet għaċ-ċeremonja tal-Oscars minbarra stediniet oħra għall-European Film Awards u għall-festivals ewlenin ta’ Cannes, Berlin u Venezja. Kellu karriera twila ta’ għalliem. Kien Kap tal-Programmi Edukattivi fuq it-televiżjoni u r-radju nazzjonali. Aktar tard inħatar Direttur għat-Tagħlim Tul il-Ħajja li matul dan il-perjodu kien responsabbli għad-dħul tal-ischolarships għall-Masters u d-dottorat u għall-firxa akbar tal-korsijiet għall-adulti. Illum Direttur għall-Kultura. Fl-2013 inħatar Chairman għall-Bord tal-Klassfikazzjoni tal-Films.

Send this to a friend