Sfida – One News

Notifiki

Sfida

Il-ħajja hija sfida fiha innifisha. Tibda sfida sa minn meta tkun għadek ma twelidx, biex tibqa ħaj. Sfida biex tikber, tistudja, tilħaq u tgħix il-ħajja li tkun tixtieq. Sfida, tfakkrek fl-isport. Kull sport ipoġġi kontra xulxin, atleti li jkunu stinkaw u taw kulma għandhom biex jirbħu u isimhom jidħol fl-annali tal-glorja, u, għaliex le, il-kont fil-bank tagħhom jikber ftit mhux ħazin.

Pajjiżna huwa mimli bi sportivi. Dawk li fil-fatt jipprattikaw xi sport b’mod passjonali, dawk ghax iħobbu jiċċaqalqu u jqattgħ siegħa żmien mal-ħbieb, u oħrajn sportivi tal-karta, għax jgħaddu ħinhom jaqraw l-aħbarijiet sportivi.

Meta kont ċkejken, jien ukoll kont sportiv. Kien jogħġobni l-futbol. Ngħiduha kif inhi, 30 sena ilu, jekk ma kontx tħobb tilgħab il-futbol, jew kont ħafif bħar-riħ, kont tispiċċa, kif ħafna drabi kont jien, fuq il-bank mas-sapporters.

Jien tlajt f’mentalità li l-isport hu ħela ta’ ħin. Aħjar tistudja u tiggradwa ħalli jkollox xogħol li bih tista’ tgħix tajjeb. 30 sena ilu kont nilgħab il-futbol fuq iż-żrar bil-moħbi, jew hekk kont mingħalija, ta’ ommi li kienet issus warajja biex nistudja.

30 sena huma ħafna. Imma l-mentalità għadha l-istess. Dawk li għadhom jaħsbu li l-isport itellef mill-istudju, għalkemm naqsu, għadhom bil-bosta. Demmi jibda jbaqbaq sal-livell li kważi nitlef il-kontroll meta f’xi laqgħa għall-ġenituri fl-iskola, nisma’ xi ġenitur jgħid li aħħjar ikun hemm inqas lezzjonijiet ta’ l-edukazzjoni fiżika, ħalli l-istudenti jkollom aktar lezzjonijet tas-suġġetti akkademiċi.

Nigdem ilsieni, ngħodd sal-għaxra, għalkemm ġieli missejt l-għoxrin ukoll, u bil-paċenzja kollha nipprova niftakar fil-kredu ta’ SportMalta u nwassal il-messaġġ li l-isport jagħmel il-ġid u mhux id-deni. Li student jew studenta, jitla’ jew titla’ raġel u mara ahjar, jekk ikunu dixxiplinati f’attivita sportiva.

Din hija l-akbar sfida li SportMalta u pajjiżna ghandu f’dan il-qasam.

SportMalta għamlet suċċessi kbar fil-qasam sportiv. Bnejna faċilitajiet sportivi ta’ livell internazzjonali u tejjibna dak li kien hemm qed jaqa’ biċċiet. Qed ninvestu f’faċilitajiet sportivi ġodda kemm li jkunu ta’ SportMalta u wkoll ta’ entitajiet sportivi oħra. Lqatna kull sport bl-investiment li nagħmlu.

Bil-programmi tagħna ressaqna numru rekord ta’ tfal, u mhux biss, li jattendu l-attivitajiet sportivi li tipprovdi SportMalta bi prezzijiet ridotti ħafna u permezz ta’ kowċis kwalifikati.

Tibqa’ xorta dik l-‘imma’.

Nħares lejn ir-riżultati ta’ pajjiżi barranin, u nara li minkejja dan kollu, xorta nibqgħu l-aħħar fejn tiġi obeżita fost it-tfal u fuq kollox, l-aħħar, ghal dik li hi parteċipazzjoni ta’ tfal u zġħażagħ f’attivitajiet sportivi matul is-sena, offruti minn klabbs lokali.

Iridu jinbidlu ħafna affarijiet. Il-mentalita ta’ ħafna hija l-akbar ostakolu. Trid tonqos il-pressjoni u l-fissazzjoni li uliedna iridu jkunu ġenji akkademiċi f’suġġetti li meta jikbru ma jkollhomx bżonn. Irridu nagħtu importanza mill-isport b’mod nazzjonali u li naraw li opportunitajiet li jkollhom l-atleti tagħna ma jitilfuhomx bla ma jkun hemm kunflitt ma’ istudju.

Ma stajtx nemmen, meta pajjiżna ospita l-UEFA Under 17 Euro Cup, li kien hemm plejers promettenti Maltin li ma setgħux jilgħabu ghax kellhom l-eżamijiet. Persważ li stajna lil dawn iż-żgħażagħ tajnihom opportunita li l-eżamijiet jagħmluhom fi żmien iehor biex ma jitilfux din l-opportunita.

Sfida ma tegħlibhiex billi tiftah idejk u tħalli l-kurrent imexxik. Sfida tintrebah b’rieda, determinazzjoni, u nuqqas ta’ biża’ mill-bidla.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend