Problemi b'kunsinna ta' prodotti u d-drittijiet tal-konsumaturi | One News

Notifiki

Problemi b’kunsinna ta’ prodotti u d-drittijiet tal-konsumaturi

Meta konsumaturi jixtru oġġetti li ma jieħduhomx magħhom id-dar la darba jiġi konkluż ix-xiri, ir-Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumatu jistipulaw kif għandha ssir il-kunsinna ta’ dawn l-oġġetti. Skont din il-liġi, l-bejjiegħa għandhom tletin ġurnata mid-data tal-kuntratt tax-xiri sabiex iwettqu l-kunsinna tal-oġġetti mixtrija. Dan sakemm ma tkunx ġiet mifthiema data ta’ kunsinna meta sar ix-xiri. F’dan il-każ hija din id-data li torbot legalment.Il-konsumaturi ġieli jsibu lilhom infushom f’sitwazzjoni fejn l-oġġetti ordnati ma jaslux fid-data mifthiema mal-bejjiegħ jew fi żmien tletin ġurnata. Meta jiġri hekk il-konsumaturi għandhom l-ewwel jiktbu lill-bejjiegħ u jitolbu biex l-oġġetti jaslulhom sa data partikolari. Jekk il-bejjiegħ ma jirnexxilux josserva d-data l-ġdida, l-konsumaturi għandhom dritt li jiddeċiedu li jħassru l-kuntratt tax-xiri u jitolbu rifużjoni tal-flus imħallsa.

Meta fil-kuntratt tax-xiri jkun hemm miktub data ta’ kunsinna u fl-istess kuntratt ikun hemm li din id-data hija essenzjali, f’każijiet bħal dawn jekk din id-data ma tiġix osservata l-konsumaturi m’humiex obbligati jagħtu estensjoni fid-data lill-bejjiegħ iżda jistgħu jiddeċiedu li jħassru l-kuntratt tax-xiri minnufih. Dawn ir-Regolamenti japplikaw kemm meta x-xiri jsir fiżikament minn ħanut, kif ukoll meta jsir mill-bogħod permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni bħal per eżempju onlajn.

Id-dewmien fil-kunsinna m’hijiex l-unika problema li l-konsumaturi jiltaqgħu magħha meta jordnaw prodotti. F’każ ta’ xiri onlajn problema komuni hija dik li jintilfu l-oġġetti sakemm jaslu għand il-konsumaturi. Meta jiġri hekk, jekk il-kunsinna kienet inkluża fix-xiri tal-prodott, il-bejjiegħ huwa meqjus responsabbli u għaldaqstant għandu l-obbligu li jipprovdi rimedju. Minn naħa l-oħra hija responsabbiltà tal-konsumaturi li hekk kif tgħaddi d-data tal-kunsinna jinfurmaw minnufih lill-bejjiegħa li l-oġġetti ordnati ma waslux. Jekk il-bejjiegħ ma jirnexxilux isib l-oġġetti mitlufa u jwassalhom għand il-konsumatur fi żmien raġonevoli, il-bejjiegħ għandu l-obbligu jew li jerġa jibgħat l-oġġetti jew jagħti l-flus lura lill-konsumaturi.

Jista’ jiġri wkoll li l-oġġetti ordnati jaslu difettużi għand il-konsumatur, jew ma jaslux eżatt kif ordnati u mifthiema mal-bejjiegħ. F’dan il-każ, jekk il-bejjiegħ kien responsabbli tal-kunsinna għandu l-obbligu li jipprovdi lill-konsumatur b’rimedju adegwat.

Minn naħa l-oħra l-konsumaturi huma responsabbli biex jiċċekkjaw sew l-oġġetti ordnati hekk kif jaslu għandhom. F’każ ta’ difetti dawn għandhom jiġu rrapurtati minnufih lill-bejjiegħ. Jekk fil-kuntratt tax-xiri jkun hemm data speċifika sakemm għandhom jiġu rrapurtati difetti li jidhru, importanti li din id-data tiġi osservata.

La darba jiġi konkluż kuntratt tax-xiri l-konsumatur ma jistax jerġa jibdielu. Dan sakemm ix-xiri ma jkunx sar mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju tal-bejjiegħ. F’dan il-każ il-konsumaturi għandhom erbatax -il jum cooling off period  fejn mingħajr il bżonn li jagħtu raġuni jista’ jerġa jibdielhom, iħassru x-xiri u jitolbu rifużjoni tal-flus imħallsa. L-unika spiża li l-konsumaturi jistgħu jiġu mitluba jħallsu hija dik biex jirritornaw l-oġġetti li ma jridux lura għand il-bejjiegħ.

F’każ ta’ problemi relatati ma’ kunsinna l-konsumaturi jistgħu jikkuntattjaw lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur għal informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u assistenza.

Ta’ QabelLi Jmiss
Odette Vella ilha 15-il sena fis-settur tal-Affarijiet tal-Konsumatur, u llum il-ġurnata hija d-Direttur tal-Informazzjoni, Riċerka, u Edukazzjoni fl-Uffiċju għall-Affarijeit tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur. Vella tieħu ħsieb li jkun hawn għarfien xieraq fuq id-drittijiet tal-konsumatur u l-edukazzjoni tal-konsumaturi biex dawn ikunu infurmati sew waqt u wara x-xiri.

Send this to a friend