Mhux biex inkun martri – One News

Notifiki

Mhux biex inkun martri

Li tkun martri ma jfissirx li tkun vittma ta’ xi sitwazzjoni. Għal kuntrarju, li tkun martri tfisser li tibqa’ żżomm sal-aħħar mal-prinċipji tiegħek. Fil-każ ta’ dan l-aħħar, kien hemm min biddel is-sinjifikat tal-kelma ta’ taħt fuq. Iżda agħar minn hekk, irridikulat għal kollox dak li għaddew minnu it-tfal tal-Prim Ministru fil-15-il xahar ta’ saga fuq storja ffabrikata mill-bidu sal-aħħar fl-għama tal-poter.

Kumment li ħareġ minn fomm persuna li forsi minħabba t-twemmin politiku, dak li jkun kien iħossu aħjar minn ħaddieħor, jew li dak it-twemmin politiku huwa iżjed prestiġġjuż minn ieħor. 

Forsi għadni żgħira biex nitkellem, iżda forsi wieħed ma jgħaddilux minn moħħu li llum, żgħażagħ bħali ġejjin minn familji bi twemmin Laburist, esperjenzaw xi tip ta’ bullying minħabba it-twemmin li jħaddnu, jew it-twemmin li tħaddan il-familja li tagħha nappaertjenu.

Niftakarni meta kelli 9 snin, dak iż-żmien sar ir-referendum tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Ta’ tifla li kont pruvajt nifhem aħjar ix-xenarju politiku, u mill-atmosfera fid-dar, bla ma ridt bnejt l-opinjoni tiegħi. Fl-eqqel tal-kampanja, studenta fil-klassi saqsietni din il-mistoqsija :- Iva jew Le? Weġibt Le. Tweġiba li ddominat il-kummenti kontinwi tal-istess studenta u sħabha b’mod li niftakar każi fejn kont inkun għaddejja u jibdew ikantaw id-diska tal-IVA jew inkella jintqalu dawn il-preċiżi kliem: dik Laburista.

Dak iż-żmien niftakarni li ħassni li għamilt żball għax esprimejt l-ewwel ħsieb politiku tiegħi li assoċjani ma’ valuri ta’ partit li ngħożż sal-lum. Iżda rrid ngħid li minn dak iż-żmien ‘l hawn, dik il-marka baqgħet miegħi b’mod li s-sitwazzjoni kienet iġġiegħlek tħossok li int redikolu għax temmen dak li temmen.  Vittma ta’ sitwazzjoni li ġabet b’idejha s-soċjetà stess. Eżempju prattiku, meta tidħol f’familja ġdida l-ewwel mistoqsija, bħal donna xi ħaġa naturali tkun; x’int Laburist jew Nazzjonalist ? Inkella b’mod sottili dak li jkun jipprova jiskopri l-opinjoni tiegħek dwar ix-xenarju politiku, anke jekk kif jgħidu, ikunu newtrali.

Mhuwiex argument li wieħed jgħid li l-bullying isir kullimkien u wisq inqas mhu argument li wieħed jgħallem lit-tfal dwar kif għandhom iwieġbu lil min ikun qed jibbuljahom. Teknika li ġeneralment tista’ twassal għall-esperjenza trawmatizzanti ta’ bullying. Jekk xejn, it-tfal għandhom jitgħallmu japprezzaw lilhom infushom, min huma, u b’determinazzjoni li titrawwem minn età żgħira, ikunu kapaċi joħorġu rebbieħa mis-sitwazzjoni.

Is-sitwazzjoni tagħmlek dak li int, u iżjed minn hekk, l-akbar attenzjoni tkun fuq il-mod kif tkun indirizzajtha.  Fil-każ ta’ Egrant, il-familja Muscat sofriet fis-skiet attakki kontinwi minn kull naħa. Għalmuna kif bis-silenzju, taf tagħti l-akbar risposta.

Għażilt li nikteb dwar is-suġġett għaliex nemmen li f’suġġett ta’ dan it-tip, dak tal-bullying u iżjed u iżjed bullying ibbażat fuq politika, kien hemm insensittivà mill-kliem li ntqal. Ebda bullying m’għandu jkun ġustifikat.

Nemmen li fl-isfond tal-progress li għamel pajjiżna , wasalna f’punt li din il-mentalità u atitudni trid tinqata’ darba għal dejjem. Anke jekk għandna Prim Ministru u Gvern li jfittex li jgħaqqad dak li jifridna, aħna mdawrin b’nies li għadhom jaraw biss l-aħmar u l-blu.  Minn dak li seħħ hemm ħafna x’nitgħallmu. Il-ġenerazzjoni t’issa u t’għada xprunata mill-enerġija ta’ dan il-Gvern tista’ teħodna biex nħarsu lejn xulxin, bħala aħwa Maltin.

Ta’ QabelLi Jmiss
Dinah Seguna hija l-Koordinatur tar-Relazzjonijiet Pubblici fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni u hija minn Ħal Luqa. Gradwata fl-Ispanjol u Relazzjonijiet Internazzjonali, u għal 4 xhur segwiet l-istudji tagħha fl-Università ta' Oviedo Spanja bħala parti mill-programm Erasmus. Serviet għal xi snin bħala ġurnalista fil-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ ONE, u issa qed issegwi Masters fid-Diplomazija u Relazzjonijiet Internazzjonali.

Send this to a friend