Ftit ċuċati legali | One News

Notifiki

Ftit ċuċati legali

Jista’ akkużat jgħid li  qed jinkisru l-jeddijiet tiegħu fundamentali għax meta l-ġurati qegħdin jiddiskutu l-każ tiegħu,  ikunu bil-magħluq ?  U allura ma jkunx jista’ jirrispondihom ?   Jista’ jgħid li mhux qed issir ġustizzja miegħu ?

Jekk ġurnalist jgħid li ma jistax jikxef minn qallu,  jien m‘għandix id-dritt għall-informazzjoni ?

Jekk wieħed ikun qal xi ħaġa lill-avukat tiegħu,  u dik l-informazzjoni lili tiswieli,  jien m’għandix dritt li dak l-avukat jikser is-sigriet professjonali,  u jagħtini l-informazzjoni għax inkella jkun qed jiksirli d-drittijiet tiegħi li jkolli informazzjoni kompleta ?

Jekk mara tmur tqerr u tgħidlu li lir-raġel ilha tagħmillu l-qrun,  x’jigifieri li l-qassis ma jistax jgħid lir-ragel  ?  Billi ma jgħidlux,  aktar ikun qed ikissru fil-familja,  u ghalħekk ikun qed jiksirlu d-dritt fondamentali tiegħu ta’ familja.

Jekk ikun hemm wieħed li għandu ideat li jrid ixandarhom,  u jmur fuq Radju 101  jew l-RTK,  jista’ xi ħadd izommu milli jieħu l-microphone f’idejh,  u jibda jxandar hu ?  Jekk xi ħadd jgħidlu le,  ikun qed ifixklu fit-tgawdija tad-dritt tal-libertà tal-kelma ?

U jekk xi ħadd imur għand il-Kap tal-Oppożizzjoni u jagħtih dokument (veru u mhux falz),  jista’ l-Prim Ministru jordnalu biex ipoġġih fuq il-mejda tal-Kamra,  għax inkella jkun qed jikser il-Kostituzzjoni u jikser ukoll id-dritt tal-libertà tal-espressjoni. ?

Skont il-Kostituzzjoni hemm xi ħadd li għandu dritt għal kull dokument li jeżisti ?  Hemm jew ma hemmx dokumenti li bħal f’pajjizi oħra, jaqgħu taħt is-sigriet tal-Istat ?

Veru jew mhux veru,  li ħlief meta jkun hemm dik li tissejjaħ public enquiry,  inkjesta maġisterjali tkun taħt sigriet,  u dak is-sigriet jissejjaħ fl-Italja “segreto istruttorio”  ?  U huwa reat li jinkixef meta tippreġudika investigazzjoni li tkun għaddejja.

Il-Kunsill tal-Ewropa għamel Konvenzjoni dwar id-Dritt għall-Informazzjoni minn Awtoritajiet Pubbliċi,  fl-2009,  u waqt li tkellmet fuq id-dritt għall-informazzjoni,  qalet li waħda mill-eċċezzjonijiet hija meta jkun hemm investigazzjoni kriminali għaddejja. Għax trid tara kollox.  Immaġina wieħed jaf li għaddejja investigazzjoni kontrih fuq frodi u jmur u jitlob bi dritt li jagħtuh kopji tal-files, l-ismijiet tax-xhieda u x’qalu.

Mur gib xi pajjiż ieħor fl-Ewropa li jiġi mitlub li jiftaħ file meta hemm parti li tinvolvi investigazzjoni kriminali u tkun aċċessibbli faċilment !    Ngħidu aħna investigazzjoni dwar il-Mafjużi fi Sqallija.   Jew ikun xi każ ta’ Scotland Yard fuq traffikar ta’ droga !

Ħareġ ċar li issa hemm investigazzjoni kriminali bbażata fuq parti mill-inkjesta hekk imsejħa Egrant .

Jekk qorti kellha bis-sapjenza tagħha,  jew il-ġenn tagħha, tgħid li hemm dan id-dritt,   imbagħad irid jibda japplika għall-kull inkjesta oħra.

Kelli raġun insejjaħ dan kollu “ċuċati legali”.

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend