L-Ispeaker iniedi t-tmien volum: "Is-Sedja Titkellem" | One News

Notifiki

L-Ispeaker iniedi t-tmien volum: “Is-Sedja Titkellem”

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia nieda t-tmien volum tal-ġabra ta’ deċiżjonijiet mogħtija mis-Sedja mill-bidu tat-tlettax-il leġislatura sakemm il-Parlament waqaf għall-vaganzi tas-sajf, fl-4 ta’ Lulju 2018.

Matul il-konferenza stampa, l-Ispeaker ta rendikont tal-għoxrin deċiżjoni li tat is-Sedja, u għamel referenza partikolari għar-ruling dwar l-ammissibilità ta’ interpellanzi parlamentari u ruling ieħor dwar x’jikkostitwixxi point of order.

L-Ispeaker Farrugia qal ukoll li, kif kien saħaq fid-diskors tiegħu tas-Sette Giugno ta’ din is-sena, jemmen li wasal iż-żmien li jsir xi tibdil f’ċerti regolamenti tal-Kamra. Huwa tenna li filwaqt li l-privileġġ parlamentari li għandhom il-Membri Parlamentari għandu jibqa’ għax dan qiegħed hemm biex id-Deputat ikun jista’ jitkellem mingħajr ebda biza’, fl-istess ħin il-privileġġ għandu jkun utilizzat b’responsabbiltà u kwalunkwe ċittadin jew entità għandu jkollha rimedju f’każ li dak li jkun intqal fuqha minn xi Deputat fil-Parlament ma jkunx veritier.

Waqt l-istess konferenza stampa l-Ispeaker ta rendikont tal-ħidma parlamentari u għamel referenza għall-45 liġi mgħoddija mill-Parlament mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura lil hawn, rekord meta mqabbel mal-aħħar 50 sena ta’ ħidma parlamentari. Huwa semma wkoll il-ħidma u l-attivitajiet li jibqgħu għaddejjin anke matul il-perjodu meta l-Parlament ma jkunx qed jiltaqa’. Fost dawn kien hemm l-ewwel seduta parlamentari tal-Global Council for Tolerance & Peace li nżammet fil-Parlament ta’ Malta fil-bidu ta’ Lulju.

L-Ispeaker ikkonkluda billi rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Parlament għax-xogħol siewi tagħhom, u tenna li din il-ħidma tixhed kemm il-Parlament huwa istituzzjoni ħajja u attiva.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend