It-Times jibqgħu jirrapportaw il-gideb dwar SVPR | One News

Notifiki

It-Times jibqgħu jirrapportaw il-gideb dwar SVPR

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva ġab fix-xejn storja ta’ The Times of Malta li qalet li l-Gvern kiser is-silenzju u li pprova jaħbi xi fatti dwar l-estensjoni tar-residenza San Vinċenz de Paule.

Fi stqarrija, is-Segretarjat ippubblika t-tweġibiet li bagħat lill-ġurnalist tat-Times Ivan Camilleri tliet xhur ilu. Fit-tweġibiet uffiċjali, Camillieri ġie mgħarraf li x-xogħol ingħata b’kuntratt u mhux b’direct order.

Fil-fatt is-Segretarjat ħareġ sejħa pubblika għall-offerti fuq bażi ta’ public private partnership mid-Dipartiment tal-Kuntratti.

It-tender kien jitlob lill-dawk imħajra sabiex jipproponu servizzi ta’ catering u l-bini ta’ kċina ġdida kif ukoll investiment addizzjonali marbut mar-residenza San Vinċenz.

Konsorzju wieħed minn dawn ippropona sodod f’dar residenzjali għal persuni b’diżabilità f’Ħal Qormi filwaqt li l-konsorzju ieħor ippropona li jibni żewġ blokok ġodda bħala estensjoni tar-residenza San Vinċenz.

Wara li ntgħażlet l-aktar offerta vantaġġjuża u dik li offriet iktar sodod għall-anzjani, beda l-proċess normali ta’ proċedura u negozjati, skont il-liġi u l-prassi stabbiliti dwar l-element ta’ investiment privat.

Dan il-proċess se jwassal biex jirduppjaw in-numru ta’ sodod li kienu ppjanati oriġinarjament anke b’konformità mal-impenn elettorali tal-Gvern li jaqta’ l-lista ta’ stennija għall-anzjani li għandhom bżonn jidħlu f’residenza għall-anzjani.

L-istqarrija nnutat ukoll li bħala prassi li bdiet u ġiet segwita dejjem mill-amministrazzjonijiet preċedenti, ix-xiri ta’ sodod fil-privat sar dejjem b’ordni dirett u saħansitra taħt gvernijiet ta’ qabel ġieli b’sempliċi cabinet memo saru estensjonijiet ta’ residenzi.

Kif diġà ġie ddikjarat, l-għażla tal-konsorzju kienet ikkontestata kemm quddiem il-Public Contracts Review Board kif ukoll quddiem il-qrati Maltin u fiż-żewġ okkażjonijiet ġiet ikkonfermata d-deċiżjoni oriġinali tal-bord tal-evalwazzjoni.

L-istqarrija temmet tgħid li din hija konferma li l-Gvern mexa b’mod trasparenti skont ir-regoli kollha tax-xiri u ma ħeba xejn fil-proċess kollu, wisq aktar li ta xi direct order lil xi ħadd.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend