Inizjattiva favur l-annimali domestiċi – Pet Friendly Holiday | One News

Notifiki

Inizjattiva favur l-annimali domestiċi – Pet Friendly Holiday

Għat-tieni sena konsekuttiva, is-sezzjoni tal-Animal Welfare fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ser tniedi l-inizjattiva ta’ Pet Friendly Holiday, dan wara s-suċċess li nkiseb bl-istess inizjattiva s-sena l-oħra.

Għal dawk li se jaqsmu l-fliegu akkumpanjati mill-pets tagħhom bejn it-Tnejn 13 u l-Ħadd 19 t’Awwissu, għall-festa popolari ta’ Santa Marija, il-Ministeru ser jieħu ħsieb jipprovdi ilma adegwat għall-annimali domestiċi fit-terminals kemm taċ-Ċirkewwa kif ukoll dak tal-Imġarr. Dan qed isir biex dawn l-annimali, ikunu jistgħu jixorbu u jtaffu ftit mis-sħana qalila li taħkem matul is-sajf.

Kull persuna li se tkun qed taqsam minn Malta lejn Għawdex matul il-ġimgħa, ser jingħata pet ticket, liema biljett irid jiġi ppreżentat lill-uffiċjali tal-Gozo Channel. Apparti l-pet ticket, sidien t’annimali domestiċi ser jingħataw ukoll fuljett t’informazzjoni fuq dan is-suġġett.

Waqt żjara li għamlet il-Ministru għal Għawdex fl-uffiċini li s-sezzjoni tal-Animal Welfare għandha f’Għawdex, hija qalet illi kif kien imwiegħed, din is-sezzjoni ġiet atrezzata kemm bir-riżorsi umani u bl-għodda neċessarja biex taqdi l-funzjonijiet tagħha bl-iktar mod effiċjenti. Il-Ministru Caruana rringrazzjat lill-ħaddiema kollha li huma assenjati f’din it-taqsima, għad-dedikazjoni u l-impenn tagħhom b’riżq l-annimali abbandunati.

Heidi Grech mill-Animal Welfare f’Għawdex qalet li fis-sajf hemm tendenza li aktar annimali jiġu abbandunati u kien għalhekk li s-sezzjoni ħasbet biex torganizza kampanja ta’ għarfien u billi tipprovdi ilma b’xejn lil dawk l-annimali domestiċi li jkunu qed jakkumpanjaw lil sidhom għall-btala f’Għawdex.

Ritratti – MGOZ

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend