B’saqajna mal-art! – One News

Notifiki

B’saqajna mal-art!

M’hemm l-ebda dubju li l-Partit Laburista qed jgħix wieħed mill-aqwa żminijiet tiegħu.  Prattikament qed itellaq waħdu, għax il-kompetituri, minbarra li huma inkompetenti, tfixklu u tgerfxu f’saqajhom.

Allura wieħed jistaqsi:  Il-Partit Laburista jista’ jagħmel li jrid?

Gwaj jekk jagħmel hekk, għax ikun ifisser il-bidu għat-triq għan-niżla.  U meta wieħed jibda jitgerbeb għan-niżla, jibqa’ dejjem iżid fil-veloċità sakemm jindaħan f’xi ħajt tas-sejjieħ jew xi għalqa mimlija xewk.

Nistħajjel lill-qarrej jistaqsi:  Jaqaw dan ħass moħħu?  X’qed jhewden?

Jiena għandi 55 sena, u issa nqis li għandi ftit ta’ esperjenza tal-istorja politika reċenti tal-pajjiż.

Niftakar fis-sena 1980, meta waqt li kont qed nagħmel esperjenza ta’ student ħaddiem, kont ġejt mibgħut nieħu l-esperjenza tiegħi f’post fejn kien hemm ħaddiema laburisti minn dawk li sa ftit żmien ilu konna nsejħu s-suldati tal-azzar.

U niftakar lil dawn il-ħaddiema li sforz l-entużjażmu jiftaħru li ħadd ma seta’ għal Mintoff u li l-lejber kien se jiggverna għal tliet mitt sena!  Wara kważi għaxar snin ta’ Gvern Laburista li kien bidel lil Malta minn stat tallab għal wieħed ħieles, b’rajh f’idejh, kienu ħafna li ħallew lil rashom tikbrilhom u bdew jaraw lil kulħadd dubbien.

-Ma tagħmlu xejn mal-Perit Mintoff!  Ma tagħmlu xejn.  Ma tagħmlu xejn!-

U ġiet l-elezzjoni tal-1981 u balleċ….il-Gvern Laburista li tant kien għamel ġid, iġib erbat elef vot anqas mill-Partit Nazzjonalista.

U nbdiet is-saga tal-aktar ħames snin iebsa fl-istorja politika Maltija. U bdiet it-triq tal-kalvarju għall-Partit Laburista li mill-1987 kellu jgħaddi 25 sena isaħħan il-bankijiet tal-oppożizzjoni.

Għaldaqstant ladarba l-istorja fetħitilna għajnejna, ejjew inkunu grati lejha u nżommu saqajna mal-art u minkejja li qed nilagħbu weħedna fil-grawnd, nibqgħu nħaddnu dak is-sens ta’ umiltà u sens ta’ servizz lejn pajjiżna u ċ-ċittadini li jista’ iservi ta’ garanzija għal ħafna snin ta’ tmexxija Laburista.

Ejjew ma naraw lil ħadd dubbien.  Ejjew ma nagħmlux ħmerijiet jew nitħanżru bla bżonn.

Ejjew nieħdu l-eżempju tal-Prim Ministru tagħna.  Naħdmu qatigħ b’determinazzjoni u sens ta’ responsabbiltà. Għax kif jgħallimna Joseph Muscat, għamilna ħafna imma għad fadal ħafna xi jsir.

U Joseph ma joqgħodx iqatta’ ħinu jiddandan quddiem il-mera, iżda jxammar il-kmiem u jaħdem bħallikieku kull ġurnata hija deċisiva għad-destin ta’ pajjiżna.

Nittieħdu mis-serjetà li juri fil-missjoni tiegħu bħala Prim Ministru u nibqgħu b’saqajna mal-art, sabiex nimxu fuq it-terra ferma b’mod deċiż u ‘l bogħod minn kull xkiel bla bżonn.

 

 

 

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss
Ray Muscat huwa edukaturi b’esperjenza fl-iskejjel statali Maltin sa mill-1986. Kien għalliem tat-Taljan għal 13-il sena fil-Liċeo Mikiel Anton Vassalli u għal dawn l-aħħar erbatax-il sena huwa amministratur fl-iskola sekondarja fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu. Ray Muscat huwa wkoll kittieb. Kiteb scripts għar-Radju u r-Televiżjoni tal-istat b’xogħolijiet bħal ‘Fil-Kikkra!’, ‘Tlaqna!’ u ‘Oops!’. Sal-lum ippublika żewġ kotba għat-tfal bl-istejjer ta’ Lippu l-Purtinar u ktieb għall-adulti bit-titlu 'Naħqa ta’ Ħmar’. Jinteressah ħafna l-aspett politiku mhux partiġġjan u t-temi soċjali u edukattivi, b’mod speċjali ma’ dawk li sfortunatament jaqgħu lura fil-mixja tal-ħajja.

Send this to a friend