Bil-Filmat: 3,000 platt kull lejl fil-festival tal-ikel | One News

Notifiki

Bil-Filmat: 3,000 platt kull lejl fil-festival tal-ikel

Għat-tieni sena konsekuttiva, f’Għawdex se jsir il-Festival Internazzjonali tal-Ikel fil-pjazza tax-Xewkija bejn il-Ġimgħa għaxra u s-Sibt ħdax t’ Awwissu.

Quinton Scerri, l-organizzatur tal-avveniment, qal li din is-sena l-parteċipanti qed jilqgħu l-isfida li jippruvaw iservu madwar tlett elef platt kull lejl.

Sfida għall-koki parteċipi li jridu jassiguraw il-kwalita u t-tjubija fl-ikel filwaqt li jirnexxilhom iservu dawn il-platti f’ħin qasir.

L-avveniment f’ Għawdex se jkompli jikber. Se jkun maqsum fuq jumejn b’ mira illi jsiru tlett elef platt f’ kull lejl. Din hija ambizzjoni interessanti sabiħa li se tkompli toħloq entużjażmu fost atmosfera sabiħa li se jkun hawn fil-pjazza tax-Xewkija.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li wara s-suċċess li kiseb dan il-festival is-sena li għaddiet u ġibed lejh madwar sitt elef ruħ, din is-sena l-Ministeru għal Għawdex ħaseb biex ikabbar din l-attivita flimkien mal-organizzaturi.

L-ikel se jvarja minn Malti, Indjan, Amerikan, Olandiż, Taljan u Ġermaniż, filwaqt li se jkun hemm emfasi partikolari fuq dak Għawdxi.

Ħa jkollna rappreżentanti minn diversi pajjiżi li ha jkunu qed jippreparaw ikel tipiċi minn pajjiżi differenti minn lokalitajiet differenti. Mhux b’ inqas il-prodott tipiku Għawdxi li se jkun qed jispikka biex nagħtu promozzjoni tal-prodott Għawdxi, prodott ġenwin Għawdxi, pero ukoll biex din l-attività tkun vetrina mhux biss tax-Xewkija imma wkoll t’ Għawdex kollu.

Is-Sindku tax-Xewkija Paul Azzopardi awgura li din l-edizzjoni terga tkun ta’ success, hekk kif minnha se tgawdi mhux biss ix-Xewkija imma Għawdex kollu.

Dan ha jkun avveniment illi ħa jiġbed u jattira nies sew lokali u kif ukoll Maltin u barranin, u żgur li Għawdex ħa jkollu dak il-potenzjal dejjem ikbar għall-ġid tal-gżira tagħna. Dawn huma avvenimaneti li jgawdi minnhom kulħadd barra li kulħadd jieħu pjaċir b’dak li jkun għaddej.

Id-dħul għall-attivita huwa b’xejn, ix-xorb u l-inbid se jkunu bi prezzijiet raġonevoli filwaqt li se jkun hemm shuttle service offrut mill-Imġarr sax-Xewkija u lura.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend