Baħar aktar sħun mis-soltu matul Lulju li għadda – One News

Baħar aktar sħun mis-soltu matul Lulju li għadda

Is-sajf Malti huwa sħun minnu nnifsu għalkemm it-temperaturi dejjem qed jisħnu aktar maż-żmien. It-temperatura tal-arja ta’ Lulju telgħet minn minimu ta’ 20.2˚C fil-bidu tax-xahar għal massimu ta’ 35.7˚C. Filwaqt li ħafna erħewlha lejn xi bajja biex jaħarbu ftit is-sħana, il-baħar ukoll kien aktar sħun mis-soltu, b’temperatura medja li kienet 0.9˚C ogħla min-norma klimatika ta’ 24.7˚C.

Dsatax-il jum f’Lulju rreġistraw temperatura massima tal-arja li qabżet in-norma klimatika ta’ 31.6˚C. Madankollu, it-temperatura massima tax-xahar li għadda kienet ħafna aktar baxxa mill-ogħla temperatura li qatt intlaħqet f’Lulju, jiġifieri dik ta’ 42.7˚C irreġistrata fl-1988.

Tul ix-xahar, ix-xemx ħarġet għal 363.6 sigħat u s-sema kien ġeneralment ċar. Fil-fatt, ilkopertura tas-sħab medja għal Lulju kienet ta’ 0.8 oktas, jiġifieri marġinalment aktar baxxa min-norma. It-tmienja u għoxrin jum tax-xahar kien l-aktar wieħed imdawwal, u matulu ġew irreġistrati 13.9 sigħat ta’ xemx.

B’6.4 sigħat ta’ xemx irreġistrati, min-naħa l-oħra, it-23 ta’ Lulju kienet l-aktar ġurnata mudlama tax-xahar. Barra minn hekk, f’din il-ġurnata ġiet imkejla l-buffura massima ta’ Lulju, li nefħet b’veloċità ta’ 32 knots mill-Majjistral kwarta Tramuntana.

Fl-ewwel ġimgħa tax-xahar ġew irrappurtati tlitt ijiem biċ-ċpar. Fir-rekords meteoroloġiċi tniżżlu wkoll tlitt ijiem li fihom ġiet imkejla n-nida, li b’kollox ammontat għal 0.6 mm.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend