BIL-FILMAT: Imut żiemel fil-Furjana | One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Imut żiemel fil-Furjana

 

Żiemel waqa’ u miet f’inċident li seħħ fi Triq San Franġisk fil-Floriana. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-siegħa ta’ warnofsinhar meta ż-żiemel kien qed jinstaq minn kuċċier, meta għal raġuni waqa’ minn tulu mal-art f’nofs ta’ triq u miet.

Fortunatament la kuċċier u lanqas it-turisti li kien qiegħed iġorr ma ġralhom xejn.

Fuq il-post issejħu l-Pulizija u membri tar-Rapid Intervention Unit flimkien ma’ uffiċjali mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali li bdew jinvestigaw il-każ b’mod immedjat.It-triq għamlet kważi tliet sigħat magħluqa għat-traffiku sakemm intemmu l-investigazzjonijiet u l-karkassa taż-żiemel tneħħiet minn fuq il-post. Il-kawża tal-mewt mistennija tiġi ddeterminata mill-awtopsja li se ssir fis-sigħat li ġejjin.

B’reazzjoni għal dan l-inċident, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li hemm bżonn ta’ reviżjoni fil-liġijiet ta’ kif joperaw il-karozzini.

F’messaġġ fuq Facebook, is-Segretarju Parlamentari esprima d-dieqa tiegħu għall-inċident u spjega li ordna lill-veterinarju u lill-uffiċjali mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali biex imorru fuq il-post u minnufih jassistu u jiddeterminaw il-fatti preċiżi ta’ x’wassal għal dan l-inċident.

Is-Segretarju Parlamentari spjega kif se jkun qed isegwi mill-qrib sabiex b’mod ħolistiku jitnaqqsu bl-aktar mod possibbli inċidenti ta’ din in-natura.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend