Żewġ poeżiji Maltin se jinbidlu f'films għall-Festival tal-Letteratura ta' din is-sena | One News

Notifiki

Żewġ poeżiji Maltin se jinbidlu f’films għall-Festival tal-Letteratura ta’ din is-sena

Żewġ poeżiji Maltin, ‘Kafè’ ta’ Achille Mizzi, u ‘Il-Lejl f’Dan l-Istazzjon’ ta’ Oliver Friggieri, se jkunu maħduma f’films għall-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta 2018. Dawn se jintwerew matul l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, li se jsir bejn it-23 u l-25 ta’ Awwissu fil-Forti Manoel, Il-Gżira Manoel.

Poetry on Film, li issa jinsab fil-ħames edizzjoni tiegħu, hu proġett ta’ Valletta 2018 b’kollaborazzjoni ma’ Inizjamed bil-għan li jiżviluppaw is-settur tal-films maħluqa minn poeżiji Maltin u li jħeġġu interess akbar fih, permezz tat-taħriġ, il-kummissjonar ta’ films qosra u l-esportazzjoni tal-istess films ikkummissjonati.

Din is-sena, Clare Azzopardi u Ken Scicluna qed jaħdmu fuq ‘Kafè’, filwaqt li Abigail Mallia u Carlos Debattista qed jipproduċu ‘Il-Lejl f’Dan l-Istazzjon’.

 

L-ewwel film tal-poeżija inħadem għall-edizzjoni tal-2014 tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, u kien ibbażat fuq żewġ poeżiji ta’ Doreen Micallef. Fl-2015, inħadem it-tieni film tal-poeżija bbażat fuq poeżija ta’ Mario Azzopardi. Il-films magħżula fl-2016 kienu bbażati fuq poeżiji ta’ Lillian Sciberras u Ray Mahoney, filwaqt li s-sena li għaddiet, iż-żewġ films magħżula kienu bbażati fuq poeżiji ta’ Victor Fenech u Maria Grech Ganado.

Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta 2018 se jsir bejn it-23 u l-25 ta’ Awwissu fil-Forti Manoel, il-Gżira Manoel, Il-Gżira.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend