Sentenza sospiża għal Carmel Bonnici li tressaq il-Qorti akkużat li kkawża ġrieħi ta’ natura gravi fuq Saviour Spiteri ta’ 46 sena kif ukoll li kkawża feriti ħfief fuq ż-żagħżugħ ta’ 21 sena, Kirsten Carabott waqt il-marċ tal-festa ta’ Birżebbuġa.
Il-każ seħħ il-ħadd li għadda ħall-ħabta tas-sagħtejn ta’ wara nofsinhar. Carmel Bonnici wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih fosthom li kien qed iġorr sikkina mingħajr liċenzja maħruġa mill-Kummissarju tal-pulizija, kif ukoll li kiser il-paċi pubblika.
Id-difiża mmexxija mill-avukati Franco Debono, Amadeus Cachia u Yanica Vidal saħqet li l-akkużat ikkopera mal-pulizija u talab apoloġija lil vittma. Għaldaqstant huwa ngħata sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn fuq garanzija personali ta’ elfejn ewro. Dan wara li l-prosekuzzjoni wkoll kkonfermat dan.
Il-Qorti ppreseduta mill-maġistrat Francesco Depascuale, saħħqet li d-diviżjonijiet ma jagħmlux ġid, iktar u iktar meta dawn jinħolqu f’attivitajiet li suppost jippromovu l-unità.
Il-Qorti ordnat lill-akkużat biex ma jersaqx lejn Carabott u Spiteri għal sena.