Sajjetta fil-Mosta setgħet xegħlet 106,000 bozza tal-mija | One News

Notifiki

Sajjetta fil-Mosta setgħet xegħlet 106,000 bozza tal-mija

Il-maltempata li laqtet lil pajjiżna tul il-jum tal-Ħadd ħasdet lil bosta.

Però Brian Micallef, meteorologu tal-Uffiċċju Meteoroloġiku spjegalna li maltempata bir-ragħad hija normali għal Awwissu.

Brian qal li “Per eżempju s-sena li ghaddiet ma kienx hemm f’Awwissu. Ta’ qabel, 2016 kien hemm 1. 2015 kien hemm 3. Pero normalment ikollna ġurnata waħda li jkollna maltempata bir-ragħad.”

Din il-maltempata kienet ikkawżata minn arja instabbli minn fuq it-Tuneżija, li bdiet ġejja lejn Malta, u ġabet magħha din ix-xita bir-ragħad.Is-Sur Micallef spjegalna li x-xita li niżlet, għalkemm setgħet ħasdet lil uħud, ma kinitx f’livelli eċċessivi. Magħna nnota wkoll is-sena rekord f’dak li għandu x’jaqsam xita f’Awwissu.

Spjega kif “Bħala ammont ta’ xita, Ħal Luqa niżlet 8.2mm, Għawdex 10mm. Li mhumiex ħafna għal maltempata bir-ragħad lanqas. Fin-1964 kienu niżlu f’Awwissu kollu 155mm.”

Din il-maltempata kienet ikkaratterizzata minn bosta sajjetti.

Kif jixhed apparat imħaddem minn Dr Adam Gauci, Lettur fid-Dipartiment tal-Ġeoxjenzi fl-Università ta’ Malta, bejn l-għaxra ta’ filgħodu tal-Ħadd, sal-għaxra ta’ filgħodu tat-Tnejn, f’distanza sa sitt mili nawtiċi madwar il-gżejjer Maltin kien hawn tliet mija u ħmistax-il sajjetta li laqtu l-art jew il-baħar.

L-iktar sajjetti b’saħħithom laqtu l-baħar fin-naħa t’isfel t’Għawdex, kif ukoll tnejn b’saħħithom laqtu qrib l-Imtarfa u r-Rabat, b’qawwa ta’ tmienja u tletin punt ħamsa KiloAmps, u oħra qrib il-Mosta, b’qawwa ta’ erba’ u erbgħin punt erbgħa kiloAmps.

Fi kliem iktar sempliċi, din tal-aħħar kellha l-qawwa li tixgħel aktar minn mija u sitt elef bozza tal-mija.

Il-mistoqsija tiġi naturali: Il-bdiewa, u d-dilettanti tas-sajf u l-festi, għandhom għalfejn jitħassbu dwar dan it-temp?

Brian qal li “Fadal ftit ċans għal għada filgħodu bħala xita, pero mbad sal-weekend, jigġi xemxi jerġa’. U t-temperaturi li bħalissa qegħdin fin-normal, fil-weekend jibdew tilgħin ukoll, jisħon ukoll.”

Intant, il-maltempata wasslet lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, flimkien ma’ Nature Trust biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jissalvagwardjaw il-bajd tal-fkieren fil-bejta fil-bajja tal-Ġnejna.

Ritratt: Fredrick Muscat

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend