SR Technics b'investiment ta' €35 miljun li se joħloq 350 impjieg ġdid | One News

Notifiki

SR Technics b’investiment ta’ €35 miljun li se joħloq 350 impjieg ġdid

Issiġġiliat il-ftehim li permezz tiegħu, il-kumpanija tal-Avjazzjoni SR Technics se tinvesti ħamsa u tletin miljun ewro biex ikollha hanger ġdid li jesa sitt ajruplani fil-Park tal-Avjazzjoni f’Ħal Safi.

Permezz ta’ dan l-investiment, il-kumpanija li tagħmel il-manutenzjoni tal-ajruplani se toħloq tliet mija u ħamsin impjieg ġdid biex sal-aħħar tas-sena d-dieħla, tibda tħaddem aktar minn ħames mitt ħaddiem.

Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Mario Galea, mill-Kap Eżekuttiv tal-Malta Industrial Parks Karl Azzopardi u ma’ rappreżentant ieħor mill-SR Technics fil-preżena tal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona. Il-ftehim jipprovdi li Sr Technics tibni hangar fil-Park tal-Avjazzjoni f’Ħal Safi li fih tkun tista’ tagħmel il-manutenzjoni ta’ sitt ajruplani f’daqqa. Il-General Manager tal-kumpanija Arthur Magri, qal kif l-attenzjoni se ddur fuq heavy maintenance, iġifieri tiswija li hija mifruxa fuq sitt snin jew iktar.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li b’dan l-investiment, iktar kumpaniji tal-ajru se jibdew jagħżlu lil pajjiżna għat-tiswija tal-ajurplani, bħalma diġà għamlu l-Easyjet. Ħabbar li l-Gvern se jinvesti erba’ miljun ewro fl-MCAST biex jiġu offruti aktar korsijiet fil-qasam tal-avjazzjoni.

Irrimarka li l-konklużjoni ta’ dal-ftehim juri l-isforz kollettiv ta’ pajjiż bieżel, filwaqt li l-fiduċja miż-żewġ naħat waslet għal storja ta’ suċċess.

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Chris Cardona tkellem dwar l-impenn tal-Gvern li l-Masterplan tal-Park tal-Avjazzjoni f’Ħal Safi jitwettaq malajr kemm jista’ jkun filwaqt li joffri iktra nies imħarrġa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend