Sms b’appuntament għall-isptar tal-onkoloġija u l-isptar Boffa – One News

Notifiki

Sms b’appuntament għall-isptar tal-onkoloġija u l-isptar Boffa

Pazjenti li jkollhom appuntament bħala outpatients fl-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo u fl-Isptar Pawlu Boffa min-nofs il-ġimgħa li għaddiet bdew ikunu mfakkra bl-appuntament tagħhom billi jintbagħtulhom messaġġi fuq it-telefown ċellulari tagħhom. Tfakkira li ssir darbtejn: għaxart ijiem u jumejn qabel l-appuntament rispettivament.

“Dan is-servizz bdejnieh kważi sena ilu għall-pazjenti li jkollhom appuntamenti fl-outpatients tal-Isptar Mater Dei. Servizz li ntlaqa’ tajjeb ħafna, tant li bejn Lulju tas-sena li għaddiet u Ġunju ta’ din is-sena ntbagħtu kważi 782,000 messaġġ,” qal lil din il-gazzetta d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Meta kien tnieda dan is-servizz s-sena li għaddiet id-Deputat Prim Ministru kien qal li s-sistema hija waħda mill-miżuri li permezz tagħha kienet se tkun indirizzata l-lista ta’ stennija għall-outpatients. Barra minn hekk, kien mistenni wkoll li permezz ta’ din is-sistema kien se jonqos in-numru ta’ dawk li ma jattendux għall-appuntament tal-outpatients li f’ċerti kliniċi kienu jlaħħqu sa 30%.

“Is-sistema li biha qegħdin infakkru lill-pazjenti bl-appuntamenti tagħhom tat riżultati tajbin u kien għalhekk li issa estendejna s-servizz kemm għall-Isptar Sir Anthony Mamo kif ukoll għall-Isptar Pawlu Boffa. Ippjanajna li għal din is-sena se nkunu qegħdin nibagħtu 1.5 miljun messaġġ ta’ tfakkira, ċifra li huwa programmat li titla’ għal 1.8 miljun tul is-sena 2019,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Din is-sistema wasslet biex jonqos drastikament in-numru ta’ pazjenti li ma jattendux għall-appuntamenti li jkunu ngħatawlhom. Peress li jkun hemm okkażjonijiet fejn iż-żmien bejn appuntament u ieħor ikun sostanzjalment twil allura kien hemm il-periklu li għal xi raġuni jew oħra l-pazjent ifalli milli jattendi. B’din is-sistema dan il-periklu tnaqqas ħafna peress li hemm żmien biżżejjed bejn l-ewwel tfakkira, dik ta’ għaxart ijiem qabel l-appuntament dovut u t-tieni tfakkira, jumejn biss qabel l-appuntament attwali. B’hekk il-pazjent ikollu żmien biżżejjed biex jilħaq jagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex ma jitlifx l-appuntament li jkollu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend