Rifużjoni oħra tat-taxxa fil-baġit li ġej – One News

Notifiki

Rifużjoni oħra tat-taxxa fil-baġit li ġej

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, ħabbar li fil-baġit li ġej il-Gvern se jkun qed jagħti rifużjoni oħra fuq it-taxxa tad-dħul.

Dan qalu f’intervista fuq ONE Radio ftit tal-ġimgħat wara li kien diġa’ żvela li fil-baġit li ġej se jerġgħu jiżdiedu l-pensjonijiet. Il-Prim Ministru tkellem dwar dan meta mistoqsi dwar iż-żjara tiegħu fil-Ġappun u fiehem kif l-għan aħħari ta’ żjara bħal din ikun li jkompli jinħoloq il-ġid.

Meta ngħamlu xogħol bħal dan tajjeb li kulħadd jifhem x’se jkun ir-riżultat. Ir-riżultat ikun li nżidu l-pensjonijiet, inżidu l-benefiċċji, nneħħu l-anomaliji, inżidu s-servizzi u ntejbu l-infrastruttura,” qal Joseph Muscat li żied għal dawn l-affarijiet il-gvern irid il-flus.

Hawn saħaq li l-gvern għandu żewġ mezzi biex idaħħal il-flus. Jew iżid it-taxxi jew ikabbar l-ekonomija. “Aħna bħala gvern il-politika tagħna mhix li nżidu t-taxxi... Nista’ ngħidlek li fil-baġit li ġej aħna se nkomplu nwettqu l-mandat elettorali tagħna mwiegħed lill-poplu billi nnaqsu t-taxxi, billi nagħtu t-tieni installment tar-refund tat-taxxa,” qal Joseph Muscat.

Żjara fil-Ġappun

Iż-żjara fil-Ġappun kienet proprju maħsuba għal dan il-għan. Fakkar kif Malta hija fost il-pajjiżi li jesportaw iktar lejn il-Ġappun milli jimportaw.

“Ridt nara li jkollna delegazzjoni kummerċjali li tmur f’dan il-pajjiż u jekk diġa’ mmorru tajjeb hemm bżonn immorru aħjar. Dak l-għan prinċipali,” qal Joseph Muscat li semma d-diversi oqsma diskussi u kif kien hemm interess kbir għal dak li Malta qed tgħamel fis-settur tal-blockchain.

Setturi oħra li qed ikunu esplorati huma t-turiżmu u l-istudenti tal-Ingliż, kif ukoll qed tkun esplorata l-possibbiltà li jibdew ikunu importati xi prodotti agrikoli lejn dan il-pajjiż.

Ma naqsitx referenza lejn l-esprotazzjoni tat-tonn li hija b’saħħitha ħafna u l-Prim Ministru kien ċar li mas-suċċess ekonomiku jridu jintlaħqu wkoll il-livelli ambjentali.

Għidtilhom jien qed hawn biex ngħinkom tbiegħu iktar imma mhux se nħalli dan il-ħmieġ fil-baħar u għidtilhom li l-gvern se jieħu passi,” qal Joseph Muscat.

Fakkar fit-twissija li jekk mhux se jkun hemm ċertu apparat li jwaqqaf milli joħroġ il-ħmieġ mhux se jkun hemm għalf. “Minn mill-operaturi ma jsegwix ir-regolamenti mhux se nħallu l-affarijiet jibqgħu għaddejin. Ix-xogħol ma jridx isir għal skapitu li jitħammeġ il-baħar tagħna,” tenna l-Prim Ministru li esprima sodisfazzjon li erba’ minn ħames operaturi diġà taw impenn li se jimxu ma’ dak mitlub minnhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend