ARA: Stħarriġ li għandu jittieħed b'mod ħolistiku – Kurt Farrugia | One News

Notifiki

ARA: Stħarriġ li għandu jittieħed b’mod ħolistiku – Kurt Farrugia

Minn stħarriġ ippubblikat mill-Maltatoday, irriżulta li l-Partit Laburista qiegħed f’vantaġġ ta’ tnejn u ħamsin fil-mija fuq il-Partit Nazzjonalista. Il-kelliem tal-Prim Ministru Kurt Farrugia kien kawt meta ntalab jinterpreta r-riżultat tas-survey.

L-istħarriġ sar fil-ġimgħa ta’ wara dik li fiha kienu ppubblikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat irriżulta li qed igawdi fiduċja ta’ tlieta u ħamsin punt disgħa fil-mija, bid-differenza bejn iż-żewġ mexxejja kienet dik ta’ disgħa u tletin punt.

Muscat qed igawdi l-fiduċja ta’ sittax punt tlieta fil-mija ta’ dawk li vvuttaw lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni, b’żieda ta’ kważi għaxar punti mill-aħħar stħarriġ f’Ġunju.

F’kummenti li ta lil One News, il-kap tal-komunikazzjoni tal-Gvern, Kurt Farrugia qal li r-riżultati ta’ stħarriġ tal-opinjoni pubblika ta’ dan it-tip juru stampa tal-mument.

Tenna li l-effetti tal-gidba tal-Egrant jirriflettu f’dan l-istħarriġ iżda sostna li għaldaqstant, importanti li wieħed jieħu dan l-istħarriġ f’kuntest aktar ħolistiku:

Wieħed qabel jinterpreta s-survey tal-Malta Today tal-Ħadd filgħodu għandu jżomm f’moħħu li l-elezzjonijiet nazzjonali jkunu miftuħin ħafna aktar u allura wieħed irid jieħu s-survey tal-malta today f’kuntest aktar ħolistiku ta’ elezzjonijiet tal-parlament ewropew li ġejjin fi żmien sena u li ċertament ma jkunux qed iħarsu biss lejn is-sitwazzjoni ta’ bħalissa imma jkunu qed iħarsu lejn sitwazzjoni nazzjonali li tkun differenti minn hawn u żmien sena oħra.

Mistoqsi dwar kif se tkompli l-ħidma tal-gvern fid-dawl ta’ stħarriġ ta’ din ix-xorta, Kurt Farrugia qal hekk:

Il-ħidma tal-gvern jekk xejn isaħħaħha u tpoġġina f’sitwazzjoni fejn saqajna jkunu mal-art biex naħdmu ħafna aktar minn dak il-ħin stess li joħorġu riżultati ta’ surveys.

Intant, mat-Torċa Vincent Marmara qal li l-ammont ta’ Nazzjonalisti li bħalissa qed jgħidu li mhux se jivvuttaw hu kbir, biss sostna li dan mhux xenarju realistiku.

Huwa fisser kif kwalunkwe stħarriġ bħalissa meta tikkonsidra r-riżultat tal-inkjesta u n-nuqqas ta’ qbil fil-Partit Nazzjonalista, se joħroġ li d-distakk bejn il-partiti mill-aħħar stħarriġ żdied u se jkun wieħed sostanzjali wkoll.

Temm jgħid li jkun għaqli li jitħalla ftit żmien jgħaddi biex isir stħarriġ ħalli l-affarijiet jistabilizzaw ftit u b’hekk tittieħed xejra aktar ċara.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend