Analisti politiċi jgħidu li Delia kien dgħajjef – One News

Notifiki

Analisti politiċi jgħidu li Delia kien dgħajjef

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia dgħajjef il-pożizzjoni tiegħu fit-tmexxija meta ma għamilx dak li qal hu u ma ssospendiex lill-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, wara li mill-inkjesta Egrant ħareġ li bbaża l-kampanja elettorali fuq gidba ċċertifikata.

Sostnew dan analisti politiċi li tkellmet magħhom il-gazetta Kullħadd.

L-opinjonista Martin Scicluna qal li Adrian Delia kien bla dubju korrett fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-inkjesta maġisterjali biex iżomm lil Simon Busuttil responsabbli talli appoġġja l-istorja ffabbrikata ta’ Egrant. Storja maħduma minn Daphne Caruana Galizia qabel l-elezzjoni ġenerali tas-sena l-oħra – u b’hekk wassal lill-Partit Nazzjonalista għal telfa katastrofika. Iżda Delia għamel ġudizzju ħażin dwar kemm għad għandu appoġġ fil-partit Simon Busuttil.

Scicluna żied li Delia jidher li hu bniedem diċenti però mexxej dgħajjef.

L-eks-editur ta’ L-Orizzont Frans Ghirxi fakkar li l-punt tat-tluq huwa li ftit sigħat biss wara li tħabbru l-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar il-Każ Egrant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien ċar daqs il-kristall li Simon Busuttil għandu jġorr ir-responsabbiltà tat-telfa diżastruża li ġarrab il-Partit Nazzjonalista fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju 2017, abbażi tal-fatt li għamel kampanja elettorali sħiħa msejsa fuq dak li issa jirriżulta li kienet kalunja fil-konfront tal-Prim Ministru Joseph Muscat u martu Michelle.

Ghirxi qal li kif jaf kulħadd, fl-istess nifs li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista dderieġa lil Simon Busuttil biex jissospendi lilu nnifsu mill-grupp parlamentari Nazzjonalista, Busuttil irrifjuta li jagħmel dan u enfasizza li Delia ma kienx se jeħles minnu.

L-eks Ministru Nazzjonalista u Perit Michael Falzon qal li l-għażla kienet waħda ta’ jekk iżommx il-partit magħqud jew le.

“Adrian Delia pprefera jasal fi ftehim milli jwebbes rasu dwar id-deċiżjoni tiegħu li – sfortunatament għalih – ma kellhiex appoġġ ta’ maġġoranza kbira tal-grupp parlamentari. Aġixxa b’mod loġiku fil-bidu u aġixxa b’mod responsabbli meta qagħad pass lura. Wara kollox, Delia ma kienx keċċa lil Busuttil mill-grupp parlamentari iżda kien biss stiednu biex jikkunsidra jitlaq. Dwar il-pożizzjoni ta’ Busuttil fix-Shadow Cabinet, din kienet deċiżjoni li kellu dritt jagħmilha Delia waħdu bħala Kap u fil-fatt ma tbidlitx. Delia lanqas ma rtira fehemtu dwar ir-responsabbiltà ta’ Busuttil,” qal Michael Falzon f’opinjoni li mhux neċċesarjament jaqsmuha oħrajn.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, l-avukat Randolph De Battista qal li “Mhux ta’ b’xejn li ħadd ma jieħu lil Adrian Delia bis-serjetà. B’dak li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni wera li mhux veru jemmen fir-responsabbiltà politika. B’dak li għamel ikkonferma s-suspett ta’ ħafna li meta b’għaġla sħiħa talab lil Simon Busuttil biex jirriżenja, dan m’għamlux għax jemmen li trid tintrefa’ r-responsabbiltà politika għal din l-ikbar gidba fl-istorja, kif iddikjara kemm-il darba, imma għamlu għaliex ġietu x-xoqqa f’moxtha biex jeħles minn Simon Busuttil u l-klikka tiegħu. Li ma kkalkulax iżda hija, x’saħħa għad għandha din l-istess klikka. Tant li kellu jkun hu li jċedi l-armi u jibla’ dak kollu li qal matul il-ġimgħa.”

De Battista temm jgħid li Delia spiċċa ħoloq iktar inkwiet milli kellu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend