Servizzi tal-ajru bejn Malta u l-Ġappun fil-futur qrib | One News

Notifiki

Servizzi tal-ajru bejn Malta u l-Ġappun fil-futur qrib

Transport Malta u l-Uffiċċju għall-Avjazzjoni Ċivili tal-Ġappun iltaqgħu f’Tokyo iktar kmieni din il-ġimgħa biex jiddiskutu l-qafas regolatorju li hemm bżonn biex jiġu stabiliti servizzi tal-ajru bejn iż-żewġ pajjiżi.
Transport Malta kienet parti mid-delegazzjoni kummerċjali, mmexxija mill-Prim Ministru Joseph Muscat, li żaret il-Ġappun f’dawn il-jiem,.  Il-Kaptan Charles Pace, id-Direttur Ġenerali għall-Avjazzjoni Ċivili, iltaqa’ ma rapreżentanti tal-Uffiċċju għall-Avjazzjoni Ċivili tal-Ġappun, linji tal-ajru Ġappuniżi u numru ta’ stakeholders fl-industrija tal-avjazzjoni, bil-għan li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-oqsma tal-avjazzjoni fiż-żewġ pajjiżi.

Malta se tkompli tibni fuq il-progress li sar f’dawn il-laqgħat, biex tistabilixxi ftehim għas-servizzi tal-ajru bejn iż-żewġ pajjiżi.  Iż-żewġ delegazzjonijiet qablu fuq rotot li għandhom jitħaddmu mil-linji tal-ajru, capacity entitlementscode-sharing, sigurta’ fl-avjazzjoni u arranġamenti operazzjonali oħra.
Il-laqgħat kienu pass importanti ħafna għal Malta, fil-mixja tagħha biex tkattar il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-avjazzjoni.
L-industrija tal-ajru fil-Ġappun, tħaddan iktar minn miljun post tax-xogħol u tiġġenera iktar minn €70 biljun ewro fi prodott gross domestiku.  Il-Ġappun qed iwettaq politika ta’ espansjoni tal-kapaċitá bil-għan li jakkomoda 39,000 moviment internazzjonali fl-ajru iktar, sas-sena 2020.
Tajjeb wiehed jghid li operaturi jitkellmu mad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta biex ikabbru l-flotta jew biex jistabilixxu lilhom infushom bħala operaturi ġodda fil-ġurisdizzjoni tagħna.  Oħrajn ifittxu li jespandu ż-żoni tal-operazzjoni tagħhom u jkabbru l-portafoll tal-liċenzji tagħhom.  Sax-xahar l-ieħor, TM irreġistrat l-ewwel A380 li qed jopera taħt il-bandiera Maltija.  L-ajruplan huwa l-ikbar wieħed tal-passiġġieri fis-suq.
Malta qed tiżviluppa f’ċentru għall-avjazzjoni, b’ qafas legali b’saħħtu iżda flessibli u għaldaqstant qed tpoġġi lilha nnifisha bħala ġurisdizzjoni attrajenti għar-reġistrazzjoni tal-ajruplani.  Leġislazzjoni ġdida tat nifs ġdid lill-industrija Maltija u l-pajjiż baqa’ jibni b’pass meqjus raggruppament ta’ servizzi għall-industrija, li jinkludu l-manutenzjoni, l-immaniġjar tal-ajruplani, moviment ta’ merkanzija, taħriġ, finanzjar tal-assi u gradwalment, elementi mis-settur tal-kiri tal-ajruplani.
Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend