Malta Public Transport tingħaqad ma' 'Women in Transport' biex tħeġġeġ preżenza akbar tan-nisa fis-settur tat-trasport | One News

Notifiki

Malta Public Transport tingħaqad ma’ ‘Women in Transport’ biex tħeġġeġ preżenza akbar tan-nisa fis-settur tat-trasport

Malta Public Transport, il-kumpanija privata li topera s-servizz tal-karozzi tal-linja, ingħaqdet ma’ “Women in Transport-EU Platform for Change”, programm bl-għan li jsaħħaħ l-impjieg tan-nisa u l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel fis-settur tat-trasport.

Permezz ta’ dan il-proġett, il-Kummissjoni Ewropea qed tippromwovi l-aċċess għan-nisa fis-settur tat-trasport, fejn tistqarr li bi 22% biss tan-nisa, is-settur tat-trasport mhuwiex ibbilanċjat bejn is-sessi. Malta Public Transport timpjega aktar minn 1300 persuna, li minnhom madwar 150 huma nisa. Filwaqt li hemm rappreżentazzjoni femminili baxxa fost sewwieqa u mekkaniks, kif jidher fl-industrija madwar id-dinja kollha, madwar terz tal-grupp tal-management ta’ Malta Public Transport huma nisa.

Malta Public Transport tinsab impenjata biex tippromwovi l-impjieg tan-nisa fis-settur tat-trasport u tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Permezz ta’ dan il-programm il-kumpanija, flimkien ma’ oħrajn, hija impenjata li tippromwovi x-xogħol tan-nisa, taqsam ideat u prattiċi tajbin f’oqsma differenti tas-settur tat-trasport, tiżgura bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, u miżuri oħra li minnhom jibbenefikaw kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa, u li se jgħinnu biex jiġu eliminati l-isterjotipi tas-sessi.

“Nixtiequ nattiraw aktar nisa biex jingħaqdu mal-kumpanija tagħna u għaldaqstant implimentajna għadd ta’ miżuri f’dawn l-aħħar tliet snin. Dawn jinkludu l-ftehim kollettiv ġdid li jistabbilixxi bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja, titjib fil-faċilitajiet għall-impjegati, kif ukoll programmi ta’ żvilupp”, spjega Konrad Pulé, General Manager ta’ Malta Public Transport.

Minbarra li ngħaqdet fil-programm “Women in Transport”, Malta Public Transport tkompli bl-impenn tagħha favur opportunitajiet indaqs fir-rigward tar-reklutaġġ, l-iżvilupp tal-karriera u r- rappreżentazzjoni fil-livelli kollha, inkluż fil-management u fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u li jiżdiedu t-talenti diversi fil-kumpanija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend