L-ewwel edizzjoni tal-Festival tal-Ħobż u Tadam f'Kerċem | One News

Notifiki

L-ewwel edizzjoni tal-Festival tal-Ħobż u Tadam f’Kerċem

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nediet l-ewwel edizzjoni tal-Festival tal-Ħobż u Tadam – żewġ prodotti tipiċi ta’ gżiritna.

Meta kienet qed titkellem waqt it-tnedija ta’ dan il-festival, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-Ministeru għal Għawdex huwa impenjat biex jinħolqu attivitajiet innovattivi fil-kalendarju tal-gżira Għawdxija. Dawn l-attivitajiet, imtellgħin kważi kull ġimgħa, qed jagħtu l-possibilità lill-familji u lil kull min ikun fostna biex jiċċelebraw tmiem il-ġimgħa f’diversi lokalitajiet b’attivitajiet varji u li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd.
Il-Ministru Caruana qalet li din l-inizjattiva ser tkun qed tippromwovi żewġ prodotti tipiċi ta’ pajjiżna u popolari anke mat-turisti. Se jingħata aktar għarfien dwar l-użu ta’ dawn il-prodotti fin-nutriment lokali u fl-istess waqt iktar promozzjoni għal prodott lokali u ġenwin. Il-Ministru Caruana qalet li din l-attività ser issir f’Kerċem u rringrazzjat lill-Banda San Girgor tal-inizjattiva biex ukoll ir-raħal ta’ Kerċem ikollu sehem mill-attività u l-ħidma li għaddejja madwar Għawdex kollu. Il-fatt li l-Festival tal-Ħobż u Tadam se jkun marbut ukoll m’attività biex tkompli titqajjem kuxjenza dwar il-kundizzjoni tal-ALS jagħti wkoll aspett soċjali lil dan il-festival.

Il-President tal-Għaqda Muzikali San Girgor Joshua Grech irringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex tas-sostenn finanzjarju biex din l-attività tkun suċċess. Hu qal li dan il-festival se jiffoka l-aktar fuq il-folklor u tradizjonijiet marbuta ma’ xi prodotti kulinari  li sfortunatament sikwit jintesew. Grech qal li bħala għaqda mużikali San Girgor, l-impenn imur lil hinn  mit-tagħlim tal-mużika, billi tagħti valur lill-impenn soċjali  u kien għalhekk li f’attività bħal din ġiet mistiedna tipparteċipa l-ALS Malta Foundation.

Dan il-festival ser isir nhar is-Sibt, l-1 ta’ Settembru 2018 fl-inħawi tal-Għadira ta’ San Raflu, limiti ta’ Kerċem u ser jibda fis-6 ta’ filgħaxija. 

Ritratt: MGOZ

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend