ARA: Jiftaħ il-Vendemmia, l-istaġun tal-ħsad tal-għeneb | One News

Notifiki

ARA: Jiftaħ il-Vendemmia, l-istaġun tal-ħsad tal-għeneb

Għadu kid  beda l-istaġun tal-ħsad tal-għeneb, il-Vendemmia, li din is-sena mistenni joffri produzzjoni tajba wara li fis-sentejn li għaddew naqset il-produzzjoni tal-għeneb minħabba r-riħ u n-nixfa.  

Madwar 90% tal-għeneb mistenni jmur għall-inbejjed ta’ kwalità, bl-aktar varjetajiet importanti jkunu fost l-oħrajn il-Girgentina, il-Ġellewża,  u x-Chardonnay.Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri  stqarr li l-Gvern se jkompli jagħti importanza lill-edukazzjoni tal-pubbliku dwar l-inbejjed ta’ kwalità li huma prodotti f’pajjiżna. 

Fil-fatt, qed issir kampanja dwar l-inbejjed distinti li qed tiffoka fuq xi jfisser is-siġill DOK Malta, DOK Gozo u IGT Maltese Islands. Dan għaliex studju li kien sar mid-Direttorat tal-Agrikoltura indika li filwaqt li ċ-ċertifikazzjoni DOK u IGT ilha f’pajjiżna għaxar snin, u minkejja li jidher li l-perċezzjoni tal-inbid lokali ta’ kwalità ħadet xejra pożittiva, deher ċar li għad hemm il-bżonn li jkun hemm aktar għarfien dwar l-inbejjed u l-kwalità tagħhom.

 Clint Camilleri esprima li huwa kburi li f’Malta u f’Għawdex nipproduċu nbejjed ta’ kwalità għolja u distinta li ġew rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea u protetti bl-istess mod li huma protetti nbejjed tal-ogħla kalibru fl-Ewropa kollha.

 Il-proċess biex tintlaħaq din il-kwalità jinvolvi ħafna xogħol u dedikazzjoni kemm mill-bdiewa u mill-għassara, kif ukoll mid-direttorat. Il-bidwi jrid isegwi l-produzzjoni tal-għeneb tul is-sena kollha u jassigura li l-għeneb jilħaq kwalità għolja sakemm jinqata’, filwaqt li l-għassara jridu jassiguraw li dan l-għeneb jiġi maħdum ġo nbid distint. L-uffiċjali tad-direttorat għandhom ir-responsabbiltà li jsegwu u jiċċertifikaw dan il-proċess.

L-iskop aħħari ta’ din il-kampanja u fl-aħħar mill-aħħar ta’ dan il-Gvern hu li kemm il-popolazzjoni lokali, kif ukoll ir-residenti barranin li jgħixu f’Malta, jagħrfu d-dedikazzjoni u x-xogħol kollu li jsir biex inbid ta’ kwalità bħal DOK Malta, DOK Gozo u IGT Maltese Islands jasal fuq il-mejda tal-konsumatur.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend