ARA: In-nies li ma jridux jemmnu – Martin Scicluna | One News

Notifiki

ARA: In-nies li ma jridux jemmnu – Martin Scicluna

Fit-22 ta’ Lulju ħarġu l-konklużjonijiet tal-inkjesta indipendenti mill-Maġistrat Aaron Bugeja fuq l-akkuża li l-kumpanija Egrant hija ta’ mart il-Prim Ministru Michelle Muscat jew tal-familja Muscat.

Konklużjonijiet li urew iswed fuq l-abjad li din l-akkuża kienet l-ikbar gidba ċċertifikata fl-istorja politika Maltija. Minkejja li ma hemmx fejn iddur magħhom, għad hemm min ma jistax iniżilha.

L-opinjonista Martin Scicluna jemmen li din is-sezzjoni ta’ nies ingħaqdu flimkien u ppruvaw joħolqu kwalunkwe teorija ta’ konspirazzjoni sabiex jimminaw il-validita tal-inkjesta.

Fl-artiklu ppublikat fil-jum tal-Erbgħa fit-Times of Malta, Scicluna qal li huma ppruvaw jiżirgħu id-dubbju sabiex isostnu l-akkuża li saret mill-blogger Daphne Caruana Galizia ħmistax-il xahar ilu.

Minflok fittxew il-verita u l-ġustizzja billi aċċettaw il-konklużjonijiet li huma ċari daqs il-kristall, l-opinjonista sostna li din is-sezzjoni ta’ nies ikkonvinċiet lilha nnifisha li ħadd ma seta jiddubita dak li kienet tgħid il-blogger.

Filwaqt li spjega kif kulħadd huwa intitolat għall-opinjoni tiegħu, ħadd m’għandu d-dritt li joħloq il-fatti tiegħu. Kulħadd jista jagħżel dak li jemmen, iżda jekk niċħdu u ninjoraw evidenza xjentifika, verifikata u stabbilita, inkunu qed nemnu informazzjoni falza.

Is-Sur Scicluna qabbel dawn in-nies ma’ dawk li jissejħu ‘flat-earthers’. Nies li minkejja l-evidenza kollha, xorta jibqgħu jemnu li d-dinja hija ċatta.

Is-sezzjoni ta’ nies fis-soċjeta Maltija li ma jridux jemmnu l-inkjesta dwar Egrant, u għalhekk qed iwarbu l-evidenza, qed inaqsu l-valur tal-verita.

L-opinjonista żied jgħid li dawn l-attivisti qed ikomplu jgħinu fit-tkissir tal-Partit Nazzjonalista hekk kif qed juru appoġġ lill-eks Kap Simon Busuttil. Il-persuna li minkejja li kien imwissi, bela sa gerżumtu l-konklużjonijiet foloz li temgħatlu l-istess Caruana Galizia fl-erbgħa t’ April tas-sena l-oħra.

Is-Sur Scicluna qal li r-rule of law hija fundamentali f’soċjeta ċivilizzata. Din ma tistax tkun imtappna billi jkunu mminati l-konklużjonijiet ta’ inkjesta li kellha fil-qofol tagħha il-leġittimita u l-moralita tal-Prim Ministru Malti.

Żied jgħid li l-amministrazzjoni ġusta u effiċjenti tal-ġustizzja hija ċentrali għal demokrazija ta’ suċċess. Qal li minkejja li l-amministrazzjoni tal-ġustizzja hija kemmxejn bil-mod, Malta dejjem kienet servuta b’sistemi, imħallfin u maġistrati li kellhom indipendenza kemm mentalment kif ukoll mill-Istat.

L-opinjonista saħaq li l-moħħ magħluq u l-argumenti li jservu lilhom biss tal-‘flat-earthers’ Maltin huma ta’ diżunur għad-demokrazija Maltija.

Fl-artiklu tiegħu, Martin Scicluna temm jgħid li l-inkjesta tal-Maġistrat Bugeja uriet li Malta għadha demokrazija vibranti li qed tiffunzjona, u li tista twieġeb għal ġudikatura indipendenti taħt ir-rule of law.

Sostna li huwa inaċċettabbli li l-azzjonijiet ta’ grupp li mhux rappreżentattiv tal-pajjiż ikompli jipprova jimla bil-velenu l-imħuħ billi ma jirrispettax il-konklużjonijiet tal-inkjest fuq Egrant.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend