ARA: Il-Gvern jindirizza problemi ta' kirjiet antiki b'emendi ġodda | One News

Notifiki

ARA: Il-Gvern jindirizza problemi ta’ kirjiet antiki b’emendi ġodda

Il-Gvern daħħal fis-seħħ emendi fl-Ordinanza li Tneħħi l-Kontroll tad-Djar sabiex jiġu indirizzati l-problemi tal-kirjiet antiki li ġejjin minn ċnus li kienu wkoll s-suġġett ta’ deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dan bil-għan li jinħoloq bilanċ bejn id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ dar residenzjali u dawk tal-kerrej li jkun fi ħtieġa ta’ protezzjoni u b’hekk il-kerrej igawdi b’mod aħjar il-pussess tad-dar residenzjali.

 L-emendi jgħidu li s-sid se jkun jista’ jagħmel talba quddiem il-Bord tal-Kera, u minn hemm il-bord jgħaddi biex jagħmel test tal-mezzi lill-inkwilin. Jekk jirrizulta li l-inkwilin m’għandux mezzi u riżorsi biex isib akkomodazzjoni oħra, ikun intitolat li jibqa’ jgħix f’dik ir-residenza suġġett għall-kundizzjoni li s-sidien jibdew jitħallsu ammont sa 2% tal-valur tal-proprjetà fl-1 ta’ Jannar tas-sena li fiha ssir it-talba.

 Jekk meta jsir it-test tal-mezzi jirriżulta l-kuntrarju, din il-liġi ma tapplikax u l-inkwilin ikollu jħallas kera doppja u jingħata ħames snin ċans sabiex joħroġ mir-residenza. “B’hekk mhux biss ser ikun assigurat bilanċ bejn id-drittijiet tas-sidien u tal-kerrejja iżda wkoll ser ikun garantit illi l-miżura tkun qed tittieħed għal skop soċjali f’konformità ma’ dak li tiddeċiedi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,” saħaq il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.

B’din il-liġi fis-seħħ, l-Awtorità tad-Djar ser tkun dejjem notifikata bil-kawża sabiex hi wkoll tkun parteċipi f’dak li jkun għaddej f’dan il-qasam u dan bil-ħsieb li jekk tkun tista’ toffri soluzzjoni, per eżempju b’akkomodazzjoni alternattiva adegwata, toffriha. F’dan ir-rigward billi diversi inkwilini jew sidien jistgħu jkunu pensjonanti, ser ikun hemm dritt għall-avukat tal-għajnuna legali f’dawn il-proċeduri rrespettivament mill-mezzi tagħhom.

Fl-istess ħin daħlu fis-seħħ ukoll regolamenti li jaġġornaw il-Kriterji tal-Mezzi b’mod biex dawn jirriflettu aħjar ir-realtajiet tal-lum. Dan ukoll ikompli jassigura li jinħoloq bilanċ adekwat u jiġu evitati ċirkostanzi fejn familji u individwi ġenwini jiġu żgumbrati ’l barra mir-residenza ordinarja tagħhom fit-tbatija kollha li dan jikkawża.

 Id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi jagħtu prova ċara u konkreta ta’ kemm dan il-Gvern għandu ruħ soċjali hekk kif dejjem lest sabiex jaġixxi fl-interess tal-familji u l-individwi kollha filwaqt li jżomm il-bilanċ bejn id-drittijiet tal-inkwilini u tas-sidien.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend