ECON se taddotta proposti ta' Alfred Sant dwar intrapriżi żgħar f'ekonomiji żgħar | One News

Notifiki

ECON se taddotta proposti ta’ Alfred Sant dwar intrapriżi żgħar f’ekonomiji żgħar

Il-Kumitat tal-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew (ECON) adotta bosta miżuri proposti mill-MEP Alfred Sant u li emendaw il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-VAT Exemption Scheme – L-Iskema tal-Eżenzjoni tal-VAT għall-intrapriżi żgħar fl-Unjoni Ewropea kollha. L-iskema taġġorna l-arranġamenti eżistenti għall-intrapriżi żgħar u medji għall-eżenzjoni tagħhom minn ċertu obbligi ta’ VAT li amministrattivament huma ta’ piż għalihom. Is-sistema teżenta wkoll lil SMEs li jibdew jesportaw.

 

L-emendi tal-Ewroparlamentari jagħmluha aktar faċli biex l-intrapriżi joperaw f’ekonomiji żgħar bħal dawk ta’ Malta u Għawdex. Huma servew biex isaħħu aktar il-miżuri misjuba fl-abbozz tal-Kummissjoni biex itaffu l-piżijiet ta’ konformita` fuq intrapriżi żgħar madwar l-UE u biex jgħinuhom jinvolvu ruħhom aktar fil-kummerċ ma’ pajjiżi membri oħra tal-UE permezz tal-estensjoni tal-iskema ta’ eżenzjoni.

 

Alfred Sant huwa x-Shadow Rapporteur għal Grupp tal-S&D f’dan il-kumitat.

 

Il-Kumitat ECON appoġġja l-proposti ta’ Sant li jistipulaw li l-fatturat massimu biss għandu jiġi stabbilit għall-eżenzjoni għal intrapriżi żgħar. Dan għandu jsir għal raġunijiet ta’ flessibilita` u biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu limiti minimi xierqa proporzjonali għad-daqs u l-ħtiġijiet tal-ekonomija tagħhom.

 

ECON adottat ukoll l-emendi ta’ Alfred Sant favur l-SMEs li jaqbżu l-limitu ffissat għall-eżenzjoni f’sena partikolari. Il-Kummissjoni pproponiet li malli dan iseħħ, l-eżenzjoni tieqaf. Sant ippropona li dan jiġri jekk il-limitu jinqabeż b’sentejn wara xulxin sabiex jiġu miġġielda l-impatti irregolari jew fatturi staġjonali fuq l-intrapriżi.

 

“Dan jippermetti lil intrapriżi żgħar li qegħdin f’ċerti setturi, bħas-settur tal-kostruzzjoni li jaffaċċja domanda irregolari u fatturi staġjonali, biex jaġġustaw b’mod aktar flessibbli għat-telf tal-istatus tagħhom ta’ eżenzjoni tal-VAT.” saħaq Dr Sant.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend