Jidħol fis-seħħ Att Ġdid dwar il-Logħob | One News

Jidħol fis-seħħ Att Ġdid dwar il-Logħob

Mil-lum, l-1 ta’ Awwissu 2018, daħal fis-seħħ l-Att Ġdid dwar il-Logħob li kien approvat mill-Parlament Malti fit-8 ta’ Marzu 2018. Dan l-Att daħal fis-seħħ flimkien ma’ leġiżlazzjoni sussidjarja u strumenti vinkolanti maħruġa mill-Awtorità u flimkien jistabilixxu l-proċessi u l-proċeduri dettaljati li jikkonstitwixxu l-qafas ħolistiku regolatorju tas-settur tal-logħob. L-Att daħal fis-seħħ wara li għadda mill-proċess tat-TRIS (‘EU Technical Regulation Information System’), bi qbil mad-Direttiva tal-UE 2015/1535.

Mill-perspettiva regolatorja, il-qafas il-ġdid jgħolli l-profil ġurisdizzjonali ta’ Malta billi jsaħħaħ l-irwol superviżorju tal-MGA, speċifikament il-funzjonijiet ta’ konformità u ta’ infurzar tagħha, sabiex din tikseb aħjar l-objettivi regolatorji tagħha. Dan hu f’konformità mal-iżviluppi konkurrenti marbuta mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

Il-qafas regolatorju ġdid jagħti wkoll is-saħħa lill-Awtorità sabiex din tkun aktar aġili biex tieħu deċiżjonijiet billi telimina piżijiet mhux meħtieġa jew mhux konduttivi għall-objettivi regolatorji tagħha, filwaqt li fl-istess ħin issaħħaħ is-superviżjoni u tiffoka l-isforzi tal-Awtorità fuq oqsma li jippreżentaw profil b’riskju ogħla.

Aktar minn hekk, ir-riforma issaħħaħ aktar l-istandards tal-ħarsien tal-konsumatur u l-miżuri tal-logħob responsabbli, filwaqt li tippromwovi approċċ lejn regolamentazzjoni aktar ibbażat fuq riskju. Tipprovdi wkoll lill-MGA poteri aktar mifruxa fl-oqsma ta’ konformità u infurzar u tistabilixxi objettivi maħluqa skont standards li jinkoraġixxu innovazzjoni u żvilupp.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MGA, Heathcliff Farrugia emfasizza l-importanza ta’ dan it-tragward għall-MGA billi saħaq li: “Illum jimmarka wieħed mill-aktar jiem importanti fl-istorja tal-MGA. Snin ta’ ħidma fl-aħħar qed jagħtu l-frott. Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha involuti u li għamlu l-qafas regolatorju ġdid realtà, b’mod partikolari lill-predeċessur tiegħi s-Sur Joseph Cuschieri, tal-viżjoni tiegħu biex jitnieda dan il-proġett, lis-Segretarju Parlamentari, lill-Onorevoli Silvio Schembri u lill-Gvern Malti b’mod ġenerali tal-għajnuna u l-impenn kontinwu tagħhom, kif ukoll lil ħaddiema tal-MGA tal-ħidma bla waqfien tagħhom fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ dan ir-reġim legali ġdid.

Dan huwa l-bidu ta’ kapitlu ġdid fir-regolamentazzjoni Maltija tal-logħob. Kapitlu li jibni fuq il-fondazzjonijiet tal-liġijiet preċedenti u li jagħti s-setgħa lill-Awtorità biex issaħħaħ aktar l-mod ta’ kif tirregola l-industrija filwaqt li jkompli jpoġġi lill-Awtorità fuq quddiem nett bħala regolatur mudell għas-snin li ġejjin.”

Suġġett għad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fi ħdanu, dan il-qafas huwa applikabbli għall-operaturi tal-logħob minn-distanza mil-lum, l-1 ta’ Awwissu 2018, waqt li l-operaturi ta’ logħob jew imħatri ohra li huma regolati mill-Awtorita’ ser ikunu suġġetti għal-liġijiet il-ġodda sa mill-1 ta’ Jannar 2019.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend