Publiju l-Prinċep tal-gżira fil-qalba ta' ċentru turistiku | One News

Notifiki

Publiju l-Prinċep tal-gżira fil-qalba ta’ ċentru turistiku

L-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta hija għaqda volontarja li tieħu ħsieb iżżomm ħaj il-kult u d-devozzjoni lejn San Publju, Patrun u qaddis Malti. San Pawl u San Publju huma l-protagonisti tal-bidla fil-ħsieb li ħalla impatt qawwi fi gżiritna sal-lum. Il-ġenerożita’ tal-Prinċep tal-gżira Publju wasslet biex dil-gżira ċkejkna ssib postha fl-akbar ktieb; il-Bibbja.

Il-figura ta’ Publju hija marbuta ma’ Malta, sew bħala bniedem Malti, mexxej ċivili, u aktar tard ragħaj spiritwali. Il-kwalitajiet sbieħ ta’ ġenerożita’ u kompassjoni li kellu Publju huma valuri relevanti ħafna fis-soċjetà ta’ żmienna. Biex tfakkar lil dan il-personaġġ, nhar is-Sibt 4 t’Awwissu, l-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta ser tkun qed tiċċelebra l-festa ta’ San Publju fis-Sajf.

Għall-ħabta tal-5.00pm il-lanċa bl-istatwa ta’ San Publju u dawk preżenti titlaq mill-Moll ta’ Buġibba sal-Gżejjer ta’ San Pawl fejn hemmhekk issir quddiesa tal-okkażjoni. Hekk kif l-istatwa tasal lura l-Moll ta’ Buġibba għall-ħabta tat-8.30pm issir manifestazzjoni bl-istatwa akkumpanjata mill-Banda u r-relikwija sal-pjazza ta’ Buġibba, fejn hemmhekk, fil-qalba taċ-ċentru turistiku tinqara l-kurunella u tingħata l-Barka Sagramentali. Il-Prezz tal-lanċa huwa ta’ 10 Ewro kull persuna, filwaqt li min jixtieq ukoll it-trasport minn quddiem il-knisja tal-Furjana u lura l-prezz tat-trasport huwa ta’ 5 Ewro.

Is-Saċerdoti Patri Victor Paul Farrugia O. Carm, il-Kanonku Charles Cini, Arċipriet tal-Floriana u Patri William Bartolo OFM Konv. , Kappillan tal-Qawra ser imexxu l-funzjoni.

Dawk interessati huma mħeġġa jibbukkjaw mill-aktar fis permezz tal-e-mail: [email protected] jew mob; 79059571, 79372709. Tistgħu issegwu l-paġna tal-għaqda fuq facebook; Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend