ARA: Koperazzjoni aħjar bejn Malta u l-Ġappun – One News

Notifiki

ARA: Koperazzjoni aħjar bejn Malta u l-Ġappun

Malta se tibda l-proċess biex tiġi implimentata s-Sħubija Ekonomika u Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun.

Stqarr dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt il-Japan-Malta Business Forum organizzat minn Trade Malta u l-Japanese External Trade Organisation f’Tokyo. Forum li għalih attendew numru kbir ta’ negozjanti Ġappuniżi.

Il-Prim Ministru stqarr li permezz ta’ dan il-ftehim, il-koperazzjoni se tinkludi mhux biss id-djalogu politiku u dwar policies, iżda anke koperazzjoni reġjonali u fuq livell globali. Dan anke dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima, policies dwar żvilupp u għajnuna f’każ ta’ diżastru, u l-politika tas-sigurtà. B’hekk l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun jaħdmu flimkien għall-promozzjoni tal-paċi, stabbiltà u l-prosperita dinjija.Dan il-ftehim, spjega l-Prim Ministru Joseph Muscat, juri l-progress fir-relazzjoni bejn iż-żewġ partijiet, u mistenni jidħol fis-seħħ is-sena ddieħla.  Il-Prim Ministru spjega li numru ta’ inizjattivi fil-passat diġà saħħew ir-relazzjoni ekonomika bejn Malta u l-Ġappun bħall-inklużjoni ta’ laboratorji Maltin fil-lista tal-Gvern Ġappuniż ta’ istituzzjonijiet li jiċċertifikat ikel u xorb esportat lejn il-Ġappun minn pajjiżna.

Pass ieħor, spjega, kienet it-tnedija tal-Kamra tal-Kummerċ bejn Malta u l-Ġappun.

Il-Prim Ministru tenna li għal darb’oħra pajjiżna qed jingħata attenzjoni bħala post għal investiment dirett barrani minn kumpaniji Ġappuniżi. Dan wara dak li seħħ lura fis-sebgħinijiet.

Illum, oqsma promettenti mistennija jkunu l-inġinerija, l-farmaċewtika, prodotti tal-ikel, appliances, prodotti tal-plastik, kimiċi, partijiet tal-ajruplani, żvilupp ta’ software, ġugarelli u logħob, u l-loġistika.

Barra minn hekk, il-Prim Ministru nnota kif qasam importanti ieħor li jippreżenta opportunitajiet ta’ koperazzjoni huwa l-blockchain. Qasam li fih Malta ġa mxiet pass kbar ’il quddiem, u li għandu użi lil hinn mill-cryptocurrencies, inkluż il-kura tas-saħħa, l-assigurazzjoni, l-enerġija, l-loġistika u servizzi tal-Gvern.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend